L-10 edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza ġiet imnedija uffiċjalment aktar kmieni llum. Il-maratona ta’ 53 siegħa se tibda nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju fis-18.30 fil-parkeġġ tal-karozzi tad-dar residenzjali u se tiġi fi tmiemha fil-23.30 ta’ nhar il-Ħadd l-1 ta’ Lulju.
Il-konferenza stampa ġiet indirizzata mis-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold – BOV fil-Komunità u minn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza. Huma kienu akkompanjati mis-Sa Elvia George, Uffiċjal Kap Finanzjarju fil-Bank of Valletta u mis-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzativ tal-Maratona.
Fr Martin qal li, “Il-Maratona hija avveniment annwali ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza li verament ipoġġi fuq quddiem l-altruwiżmu tal-Maltin u l-Għawdxin. F’din il-maratona wieħed jista’ jara l-ispirtu sportiv u l-volontarjat jaħdmu flimkien id f’id bl-għan waħdieni li jinġabru l-fondi biex jiġi żgurat li din id-Dar tkompli toffri ambjent bħal ta’ familja għar-residenti tagħha, li issa jlaħħqu l-115”. Huwa kompla jispjega li, “Il-missjoni tad-Dar dejjem kienet dik li tintegra lir-residenti tagħha kemm jista’ jkun possibbli fil-fibra soċjali tas-soċjetà Maltija, għan li qed jintlaħaq primarjament permezz tat-twaqqif ta’ djar f’lokalitajiet differenti. Hawnhekk ir-residenti jista’ jkollhom ħajja aktar indipendenti bl-appoġġ kollu li jeħtieġu.” Fr Martin esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-pubbliku li dejjem qam għall-okkażjoni u ta l-appoġġ tiegħu lil dan ‘ix-xogħol ta’ mħabba’, bħalma rajna reċentement matul il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju, meta nġabret is-somma ta’ EUR 335,293.
Fr Martin spjega li l-ispejjeż operazzjonali tad-Dar ilaħħqu EUR 12,000 kuljum. Minbarra l-ħaddiema ta’ appoġġ, id-Dar timpjega diversi speċjalisti biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa lir-residenti, inkluż terapisti okkupazzjonali u fiżjoterapisti.
Biex tkompli mal-intervent ta’ Fr Martin, is-Sinjura Muscat spjegat lid-Dar hija unika f’termini tal-‘atmosfera ta’ familja’ li tipprovdi lill-persuni b’diżabilità li jgħixu fiha. “Matul is-snin, minn kemm il-Fondazzjoni Marigold ilha tikkollabora mad-Dar tal-Providenza, kull meta nżuru din id-Dar, dejjem inħossu li deħlin f’darna, u r-rabta bejn il-ħaddiema ta’ appoġġ, il-voluntiera u r-residenti nfushom hija tassew ġenwina.” Is-Sinjura Muscat ħeġġet lin-nies biex ikomplu jappoġġjaw lid-Dar tal-Providenza sabiex id-Dar tkun tista’ tkompli tipprovdi ambjent ta’ kura u attenzjoni għar-residenti tagħha, u tgħinhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
Is-Sa Elvia George qalet li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għall-Bank of Valletta li qed iżomm l-appoġġ tiegħu għal dan l-avveniment permezz tal-Fondazzjoni Marigold. “Aħna ninsabu kunfidenti li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun storja oħra ta’ suċċess li se tkompli tagħti xhieda tal-ġenerożità tagħna bħala nazzjon. Fil-Bank of Valletta aħna bi pjaċir nagħtu l-appoġġ tagħna biex ngħinu lil din id-Dar, li l-isem tagħha huwa sinonimu mal-ambjent ta’ mħabba u kura li tipprovdi lir-residenti tagħha, tkompli taqdi r-rwol vitali tagħha fis-soċjetà tagħna.”
Filwaqt li ffoka aktar fuq ir-rwol tal-plejers tal-volleyball, is-Sur Zammit spjega li din is-sena se jieħdu sehem aktar minn 80 plejer fuq bażi volontarja. Dawn diġà kellhom taħriġ iebes, u l-plejers finali li se jieħdu sehem fil-maratona se jitħabbru wara l-prova ta’ 24 siegħa li hija maħsuba għal tmiem il-ġimgħa li ġej. “Bħal dejjem din il-maratona tkun possibbli biss minħabba l-ġenerożità kostanti tal-armata b’saħħitha tagħna ta’ 200 voluntier li jieħdu ħsieb kollox mid-divertiment sal-istands tal-ikel u ż-żona maħsuba għat-tfal. Is-Sur Zammit qal li l-maratona nnifisha se tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet prinċipali tat-TV imma ħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur id-Dar u jagħti l-appoġġ lill-plejers li se jkunu qed jilagħbu l-volleyball bla waqfien għal 53 siegħa sħaħ.
Il-BOV Marigold Volleyball Marathon se tiġi inawgurata mill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju fis-18.00.
Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon fuq in-numru 51702012 għal donazzjoni ta’ € 15, fuq in-numru 51802013 għal donazzjoni ta’ € 25 u fuq in-numru 51902070 għal donazzjoni ta’ € 50. Donazzjoni ta’ € 6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom ukoll permezz tan-numru 79324834.