L-ewwel t’April, il-ġurnata fejn bosta nies jipparteċipaw f’ċajt ħafif fuq oħrajn, ħbieb jew qraba, iżda mhux biss. Mill-klassika tebgħa fuq il-flokk, għal-lazz taż-żarbun maħlul jew fuq skala akbar xi aħbar ivvintata li tikkonċerna pajjiż sħiħ jew anke globalment, iċ-ċajt li wieħed joħroġ bihom f’dan il-jum huma bla limitu.
Madankollu, huma ftit dawk li jafu l-oriġini ta’ din it-tradizzjoni tal-ewwel t’April u għalkemm mhux ċara minn fejn bdiet, hemm min jemmen li din il-ġurnata ċajtiera tmur lura għal mill-inqas 600 sena, fejn din tissemma fil-ktieb ta’ Geoffrey Chaucer bl-isem ‘The Canterbury Tales’. Hawn l-awtur jirreferi għal rakkont bħala ċajta fit-tnejn u tletin jum ta’ Marzu, jiġifieri l-ewwel ta’ April.
Fl-1508, il-poeta Franċiż Eloy d’Amerval għamel referenza għal din il-ġurnata bħala “Poisson d’Avril” jew il-“Ħuta t’April”, kif isibuha wkoll fost il-ġirien tagħna fl-Italja. Intant, fl-istess żminijiet fi Franza stess, min beda jiċċelebra l-bidu tas-sena kalendarja f’Jannar, li daħal uffiċjalment fl-1564, kien jiddieħak b’dawk li kienu baqgħu jfakkru l-bidu tas-sena bejn il-25 ta’ Marzu u l-1 t’April.
L-ewwel referenza Britannika għal “April’s Fool” jirriżulta li kienet fl-1686 minn John Aubrey fejn irrefera għaliha bħala “fooles holy day”, u kien proprju fl-1 t’April tal-1698 fejn il-poplu Ingliż bela’ ċ-ċajta li ħdejn it-Tower of London kienu qed jinħaslu l-iljuni.
Studju li seħħ fil-ħamsinijiet tas-Seklu 20, il-folkloristi Iona u Peter Opie nnotaw li t-tradizzjoni baqgħet għaddejja, bil-ħin tat-tmiem iċ-ċajt ikun mat-tokki ta’ nofsinhar, hekk kif ċajta wara dan il-ħin ma titqiesx aktar ċajta, iżda min jagħmel iċ-ċajta jitqies li kien innifsu ċ-ċajta.
Lil hinn mill-istorja, anke jekk ħafna jkunu konxji u attenti biex jevitaw ċajt, qtajja’ jew aħbarijiet foloz bla bżonn, iżda fl-aħħar mill-aħħar, daħka fil-limiti tagħha ma tagħmilx ħażin lanqas.