L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ħabbret uffiċjalment iċ–Champions u Runner-ups mill-Kampjonati Nazzjonali Honda Motocross 2017/2019. Kyle Camilleri fuq mutur KTM huwa r-rebbieħ tal-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018. Camilleri ser ikun qed inizzel ismu għal l-ewwel darba bħala rebbieħ f’din il-klassi. Matul dan l-istaġun Kyle kien segwit minn ħuħ Clayton Camilleri fuq mutur KTM.
Fil-Motocross Klassi B rajna lill Bernard Sammut fuq mutur Beta jirreġistra rebħa wara l-oħra biex b’hekk rebah il-klassifika Overall. Sammut kien segwit minn Michael Sant fuq Mutur Husqvarna.
Fil-Klassi Veterani Paul Deguara iddomina l-istaġun fejn irnexielu jispiċċa fl-ewwel post f’din il-klassifika waqt li kien segwit min Jethro Sant fuq mutur Yamaha.
Intant nhar is-Sibt li ghadda saret l-aħħar attivita Muturi Motocross imsejħa ‘Bonus Event’. F’din l-attivita kull Rider ingħata ċans iċedi dik l-attivita li mar ħazin fiha tul dan l-istaġun u għalhekk jiġi mibdul mar-riżultat ta’ din l-attività.
Mill-Motocross Klassi A rajna lil Stefan Dimech fuq mutur Honda jirbaħ din il-klassi segwit minn Paul Muscat fuq mutur Yamaha. It-tielet post spiċċa Mark Mamo fuq mutur Yamaha.
Fil-Motocross Klassi B rajna lill Bernard Sammut fuq mutur Beta jkompli jiddomina f’din il-klassi fejn għaldarboħra ħareġ rebbieħ u segwit minn Garry Debono fuq mutur Sherco. Fit-tielet post spiċċa Joseph Scicluna fuq mutur KTM filwaqt li fir-raba’ post daħal Michael Sant fuq mutur Husqvarna.
Fil-Klassi Veterani rajna lill Jethro Sant jirbaħ din il-klassi fuq mutur Yamaha segwit minn Vince Agius fuq mutur Yamaha wkoll. Fit-tielet post spiċċa Andrew Cassar fuq mutur KTM.
L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi fi tmiem il-Ġimgħa sat kun impenjata fejn nser jitkompla l-Kampjonat Nazzjonali Autocross ASMK Pasta Poiatti 2017/2018. Din sa tkun il-ħdax l-attivita tal-istaġun. Il-Program issir fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali u jibda fit-8.00pm.
IL-Ħadd l-Assoċjazzjoni ser taqsam il-fliegu fejn propju fil-Barriera Ta’ Għansar f’San Lawrenz Għawdex ser tkun qed tittella l-aħħar attivita mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2017/2018. L-attivita tibda fl-10.00. F’dan il-kampjonat kollox għadu inċert hekk kif wara ħames tiġrijiet li saru minn sitta ser tkun din l-aħħar attivita li fiha jiġi deċiz min sa jirbaħ it-titlu Enduro 2017/2018.
Ritratt: Mario Micallef