Fost l-istudenti tal-liġi qam furur kbir kontra l-fakultà tal-liġi fl-Università ta’ Malta hekk kif hemm kwistjoni taħraq dwar il-mod kif l-istudenti se jiġu eżaminati.
Ir-rappreżentanti tal-istudenti qed jitolbu li l-istudenti jkunu eżaminati b’assignment li jsir id-dar fi żmien stipulat iżda d-deċiżjoni tad-Dekan tal-fakultà tal-liġi hija li l-istudenti joqogħdu għall-eżami b’ħin ristrett, li jsir id-dar.
L-għaqdiet GĦSL u l-ELSA, it-tnejn saħqu li f’dan iż-żmien ta’ sfida li qed ipoġġi iżjed stress fuq l-istudenti, wieħed irid jifhem aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti.
Fissru kif din is-sistema ta’ eżami online mhiex mod adegwat kif jiġu assessjati l-istudenti.
L-għaqda studenti tal-liġi saħansitra qalet li d-Dekan u l-bord tal-fakultà naqsu milli jempatiżaw mal-istudenti f’dan iż-żmien ta’ kriżi.
Saħqu li fl-aħħar ġimgħat, l-istudenti mhux jingħataw tagħlim adegwat fuq sistemi online.
“Qed jippretendu li aħna npoġġu għall-eżamijiet li m’aħniex inkunu preparati għalihom”, saħqu r-rappreżentanti tal-istudenti li spjegaw kif id-Dekan tal-fakultà tal-liġi dejjem saħaq li għall-kors tal-liġi l-istudenti m’għandhomx biss jagħtu kas l-eżamijiet iżda anki jagħrfu t-tagħlim li jingħata mil-letturi tul is-sena akkademika.
L-għaqda studenti tal-liġi saħansitra qalet li fuq il-metodu ta’ kif se jiġu assessjati l-istudenti, kellu jittieħed vot saħansitra minn rappreżentanti tal-istudenti, flimkien mad-Dekan u l-kapijiet tad-dipartimenti fil-fakultà tal-liġi iżda dan ma sarx u d-deċiżjoni ttieħdet mingħajr il-vot tal-istudenti.
L-għaqda l-oħra tal-istudenti tal-liġi, l-ELSA qalet ukoll li l-letturi lanqas huma infurmati bis-sistema u kif se jaħdem dan l-eżami online li jsir mid-dar.
One.com.mt hu infurmat ukoll li f’din il-kwistjoni hemm involut ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella li nifhmu li qed jipprova jkun medjatur biex tiġi solvuta l-kwistjoni.
L-għaqda studenti tal-liġi saħqet ukoll li d-Dekan tal-fakultà tal-liġi kien qal lil Ministru għall-Edukazzjoni li l-istudenti ma jistgħux jsabbtu saqajhom u jiddettaw huma.