Kwistjoni legali li ressqet kumpanija oħra mal-awtoritajiet Sqallin wasslet biex il-kumpanija Ponte Ferries, li minn għada kellha tibda tħaddem is-servizz tal-katamaran bejn Malta u l-port t’Augusta fi Sqallija, tipposponi s-servizz.
Fi stqarrija l-kumpanja qalet li se tkun qed tipprovdi servizz ta’ ajruplan għal dawk il-klijenti li kienu ħallsu għall-vjaġġ magħha sal-Ġimgħa tlettax t’Awwissu.
Hija se tkun qed tagħti wkoll voucher li jista’ jintuża għal kiri tal-karozzi lil dawn il-klijenti.
Il-kumpanija qalet li l-klijenti mbagħad jistgħu jagħżlu li jieħdu rifużjoni tal-ħlas tal-biljett u jgawdu minn voucher li jintuża biex wieħed jivvjaġġa b’xejn ma’ Ponte Ferries fit-tnax-il xahar li ġejjin.
Il-kumpanija qalet li l-kwistjoni legali li qajmet kumpanija oħra hija dwar l-oġġezzjoni li Ponte Ferries tuża l-port t’Augusta, anki jekk skont Ponte Ferries, il-kumpanija li qajmet il-kwistjoni, ma tużax il-port imsemmi.