Il-Ministeru għall-Agrikoltura kkundanna l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Assoċjazzjoni tal-Pitkala f’isem il-membri tagħha biex twaqqaf il-Koperattiva tal-Bdiewa u dawk li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni milli jbigħu prodotti agrikoli miċ-Ċentru tal-Pitkalija.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-Assoċjazzjoni qed tieħu dawn l-azzjonjiet fid-dawl tat-talba tagħha biex tneħħi l-garanzija bankarja imposta fuq kull tiġdid ta’ liċenzja. Din kienet iddaħlet fl-2014 bħala strument ta’ sigurtà sabiex kull ħlas dovut mill-pitkala lill-bdiewa jkun onorat.
Dwar l-importanza tal-garanzija bankarja għall-bdiewa, ONE News tkellem ma’ Malcolm Borg mill-Għaqda Bdiewa Attivi.
Huwa qal: “Ekonomikament il-profitti diġà huma baxxi u allura li jdumu ma jitħallsu għall-prodott tagħhom kienet qed tpoġġihom għarkupptejhom u allura l-Gvern kien dak iż-żmien daħħal garanzija lill-pitkala biex tagħmel tajjeb għas-sitwazzjonijiet fejn il-pitkala kienu jdumu ma jħallsu lill-bdiewa.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Sharlo Camilleri spjega kif qed isiru l-preparamenti sabiex nhar it-Tnejn il-bdiewa jbiegħu xorta waħda l-prodotti tagħhom.
Hu stqarr: “Aħna qed nippreparaw lill-bdiewa biex nhar it-Tnejn li hija l-ġurnata tal-pitkalija normali ssir u norganizzaw lill-bdiewa biex jbiegħu l-prodotti tagħhom stess.”
Fil-5 ta’ April, il-bdiewa se jkunu jistgħu jidħlu fis-Suq tal-Pitkalija fis-2:00 ta’ filgħodu u l-uffiċjali tal-Ministeru se jiggwidawhom lejn spazju minn fejn ikunu jistgħu jbigħu direttament il-prodotti tagħhom.
Filwaqt li l-bejjiegħa tal-ħaxix se jitħallew jidħlu fiċ-Ċentru tal-Pitkalija fl-4:00 ta’ filgħodu sabiex ikun hemm ħin biżżejjed sakemm il-bdiewa jarmaw f’posthom.
Intant kif imwiegħed mill-Gvern, beda l-implimentazzjoni tar-riforma tal-operat tal-Pitkalija, li għandha l-għan li ttejjeb il-pożizzjoni tal-bidwi fil-katina tal-valur billi ttejjeb it-traċċabilità tal-prodott u t-trasparenza tat-transazzjonijiet.