Fl-elfejn u dsatax, Malta gawdiet minn elfejn disa’ mija u tnejn u disgħin siegħa ta’ xemx, filwaqt li xxarrbet minn ħames mija u sitta u erbgħin millimetru ta’ xita.
F’ħarsa lejn it-temp matul is-sena li għadha kif intemmet, l-aktar xahar xemxi kien Lulju, u l-inqas, Diċembru.
L-ogħla temperatura fl-elfejn u dsatax qabżet id-disgħa u tletin grad celcius f’Lulju, filwaqt li l-inqas niżlet għal tlieta punt sebgħa gradi celcius fit-tlieta u għoxrin ta’ Frar. L-istess jum li fih pajjiżna esperjenza grigalata qawwija b’riefnu.
It-temperaturi tal-baħar ta’ kull xahar kienu ogħla mill-medja tul l-elfejn u dsatax, ħlief f’Mejju.
Minkejja li l-ewwel xahar tas-sena esperjenza ammont ta’ xita li kien ogħla mill-medja, kien Novembru, ix-xahar li fih niżlet l-aktar xita – kważi għoxrin fil-mija tax-xita kollha li niżlet fl-elfejn u dsatax.
Tul is-sena, l-Uffiċċju Meteoroloġiku rreġistra sebgħa u erbgħin maltempata bir-ragħad u s-sajjetti; bl-aktar xahar tempestuż kien Ottubru.
Is-sitt xahar tas-sena kien l-aktar Ġunju sħun sa mill-elf disa’ mija tlieta u għoxrin, b’mewġa ta’ sħana li laqtet lill-gżejjer Maltin fil-bidu tax-xahar, li kompliet f’Lulju.
L-elfejn u dsatax kienet aktar xotta mill-medja, u ntemmet fuq nota kemmxejn kiesħa hekk kif it-temperatura niżlet għal madwar seba’ gradi celcius fl-aħħar jumejn tas-sena, u partijiet mill-gżejjer Maltin esperjenzaw ħalbiet tax-xita bis-silġ.
Madanakollu, Diċembru kien aktar sħun u xemxi min-norma klimatika.