F’dawn l-aħħar seba’ snin, is-servizz pubbliku għadda minn proċess ta’ tiġdid biex joffri lill-Maltin servizz tal-ogħla kwalita u biex dawn is-servizzi jkunu aċċessibli 24 siegħa kuljum minn kwalunkwe post. B’kollox mill-2014 sal-lum, is-Servizz Pubbliku implimenta mad-950 miżura ta’ simplifikazzjoni li għenu biex il-klijenti tas-Servizz Pubbliku jinqdew aktar malajr u mingħajr ġiri minn dipartiment għal ieħor.
Meta kien qed jitkellem fil-ftuħ tal-ġimgħa għas-servizz pubbliku, bit-tema “Is-Servizz Pubbliku, Dejjem Miegħek”, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, ta ħarsa lejn ix-xogħol li sar, u l-aspirazzjonijiet għall-ġejjieni, fis-settur pubbliku.
Is-Sur Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku jwassal lill-klijenti tiegħu mal-elfejn servizz kuljum.
Is-Sur Cutajar esprima is-sodisfazzjon tiegħu ukoll għall-fatt li għandna fosta l-aqwa l-perċentwal ta’ nisa fit-tmexxija tas-servizz pubbliku fl-Ewropa, tant li 46% tal-ogħla karigi huma okkupati min-nisa. Din iċ-ċifra hija d-doppju ta’ dik fl-2012.
Filwaqt li elenka għas-suċċessi ta’ servizz.gov, is-Sur Cutajar ħabbar li 74% tan-nies jemmnu li s-servizzi online tjiebu minn l-2013 lil hawn.
“Il-viżjoni li kellna u li imbarkajna biha fl-2013, jiġifieri li jkollna servizz pubbliku preżenti kullimkien 24 siegħa kuljum u tista’ taċċesa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum is-sena kollha. Jidher ċar li mhux biss ilħaqniha imma l-poplu għandu l-għarfien tagħha u qed japprezzawa.”
Meta ta ħarsa lejn iċ-ċifri, il-Kap taċ-Ċivil nnota li mindu twaqqaf il-Freephone 153 daħlu aktar minn miljun u seba’ mitt elf telefonata, qabża minn kif kien beda l-153 hekk kellu biss medja ta’ elfejn u ħames mitt telefonata fis-xahar.
Minkejja dan innota li s-servizz wiċċ imb wiċċ jibqa’ kruċjali, u f’dawn l-aħħar ħames snin, fil-ħames ċentri reġjonali li bejniethom joffru elf u ħames mitt servizz, indirizzaw kważi mija u ħamsin elf talba. Is-Sur Cutajar qal ukoll li kważi sebgħin fil-mija tal-poplu Malti qalu li jinsabu konvinti mid-direzzjoni li miexi fiha l-pajjiż.
Waqt il-konferenza tal-aħbarjiet ġie preżentat studju li sar mill-Professur Frank Bezzina, Dr. Vincent Marmara u Dr. Emanuel Camilleri fejn irriżulta li wieħed u sittin fil-mija tal-popolazzjoni jemmnu li s-servizzi tal-gvern tjiebu filwaqt li erbgħa u sittin fil-mija ta’ dawk li pparteċipaw fl-istudju jafu bit-tiġdid li qed isir fis-Servizz Pubbliku.
Fil-fatt stħarriġ tal-Ewrobarometru juri li l-fiduċja tal-pubbliku fis-Servizz Pubbliku Malti hija ta’ tmintax-il punt perċentwal ogħla mill-medja Ewropea.
Cutajar qal li s-servizz pubbliku qed jagħti importanza lejn il-ħidma li ssir mill-ħaddiema mid-djar u qal kif qed issir ħidma biex permezz tal-intelliġenza artifiċjali, is-servizz pubbliku jibda jopera f’era ġdida.
Fakkar ukoll li tnejn u għoxrin fil-mija tal-ħaddiema f’Malta jaħdmu fis-settur pubbliku, ħamsa fil-mija inqas mill-elfejn u tnax.
Intant, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ħabbar l-attivitajiet li se jittellgħu fil-ġimgħa għas-servizz pubbliku.
Attivitajiet li se jsiru bil-għan li jgħarrfu lill-pubbliku bix-xogħol li jsir f’diversi Dipartimenti tal-Gvern.