Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għar-raba’ edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea għall-Isport, li mistennija tkun l-ikbar edizzjoni li qatt ra pajjiżna.
Din il-ġimgħa sportiva li se tittella’ fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru hija inizjattiva tal-Kummisjoni Ewropea sabiex tippromovi l-isport u l-attività fiżika mal-Ewropa kollha.
L-għan hu li tkompli l-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ eżerċizzju u l-obesitá.
Il-kap eżekuttv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal li flimkien ma ħafna għaqdiet sportivi Maltin se jittellgħu ħafna attivitajiet minn bosta dixxiplini sportivi:
“Għandna madwar tletin attivitá. Ovvjament hemm attivitajiet organizzati għall-massa, bħal ma hemm fis-7 ta’ Settembru fil-Kottonera u l-pixxina, u wkoll fid-29 ta’ Settembru f’Ħal Kirkop”.
Huwa tenna wkoll li din is-sena mistenni jkun hemm iktar parteċipazzjoni hekk kif l-ammont ta’ flus allokati għal dan l-avveniment minn €20,000 tela’ għal €180,000:
“L-għan tagħna huwa li permezz tal-European Week of Sport f’pajjiżna hija li fil-Eurobarometre Malta telgħet ’il quddiem fil-klassifika ta’ nies li jagħmlu sport u attivitá fiżika.”
Il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-Waterpolo, Karl Izzo se jkun wieħed mill-ambuxxaturi li għal sena oħra ser jgħinu jippromovu u jiggwidaw lill-parteċipant fl-attivitajiet sportivi. Spjega li “l-irwol ta’ ambaxxatur huwa importanti għaliex, it-tfal speċjalment, iħarsu lejk bħala persuna importanti u persuna li tista’ twassal messaġġ”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-isport Clifton Grima ħeġġeġ lill-pubbliku jieħu sehem f’din l-inizjattiva biex is-soċjetà Maltija ssir aktar attiva.