Ix-xogħol fuq il-konnessjonijiet ġodda bejn il-Marsa-Ħamrun Bypass u l-lokalitajiet tal-madwar, qed jersaq lejn tmiemu biex b’hekk b’investiment ta’ iktar minn żewġ miljun ewro ser tkun imsaħħa l-konnessjoni ma’ bosta lokalitajiet, fosthom Birkirkara, Santa Venera, Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Marsa.
Il-proġett jestendi minn Triq il-Kanun f’Santa Venera, matul il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Bypass, sal-junction tal-pont u r-roundabout taħtu, li jgħaqqdu din l-arterja ma’ Triq Ħal Qormi, f’Ħal Qormi.
Il-Perit tal-Proġett, Reuben Sammut spjega kif dan il-proġett ra l-bini mill-ġdid tal-ħitan tal-Marsa-Ħamrun bypass u partijiet mill-ħajt fil-ġenb tal-karreġġjata tan-nofsinhar meta toħroġ mill-mini ta’ Santa Venera, fl-istess żona.
Huwa spjega: “Kien jinkludi ħafna xogħol ta’ servizzi, drenaġġ, ‘cables’ tad-dawl, mainijiet tal-ilma, u telekomunikazzjoni, bini ta’ ħitan ġdid, ‘retaining walls’ ġodda biex iżommu t-triq il-ġdida milli, l-piżijiet tagħha milli ċċedi.”
B’investiment addizzjonali ta’ €600,000 inbnew dawn il-ħitan ġodda b’tul ta’ 750 metru biex b’hekk ikun evitat kull riskju ta’ ċediment jew perikli għall-pubbliku li jagħmel użu mill-bypass.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u proġetti kapitali, Ian Borg saħaq li dan il-proġett mhux biss jindirizza ċertu punti problematiċi fil-Marsa-Ħamrun Bypass li joħolqu konġestjoni tat-traffiku iżda wkoll jikkumplimenta bl-aħjar mod ix-xogħol li sar fuq din il-bypass is-sena l-oħra.
Il-Ministru Borg qal: “Dan il-proġett wasal fl-aħħar fażi tiegħu issa, jiena nikkalkula li fi ftit ġimgħat din it-triq tkun miftuħa u nfakkru wkoll li ‘Infrastructure Malta’ għall-ewwel darba ser tkun qiegħda timplimenta l-‘Green Vertical Garden’ illi ser ikun l-itwal wieħed f’pajjiżna, biswit dan l-istess proġett.”