F’erba’ snin, dawk li għandhom smartphone f’Malta żdiedu b’14%, minn 71% għal 85%. L-abbonament għal servizz tat-telefonija ċellulari huwa kważi universali, bi 2% biss mhumiex abbonati għas-servizz, ilkoll ta’ età ‘l fuq minn 65 sena.
Madwar 70 % ta’ dawk li għandhom abbonament għall-użu tal-mowbajl qalu li jużaw is-servizzi tad-dejta mobbli. Dan ifisser żieda ta’ 15-il punt perċentwali mill-2019.
Dan ħareġ minn stħarriġ imwettaq mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, li sar permezz ta’ intervisti bit-telefon, bil-parteċipazzjoni ta’ 963 persuna.
Sehem konsiderevoli ta’ utenti tad-dejta mobbli jgħidu li jaċċessaw dawn is-servizzi ta’ kuljum, prinċipalment għal raġunijiet ta’ netwerking u attivitajiet relatati max-xogħol.
75% tal-utenti tal-broadband mobbli qatt ma jużaw aktar data minn dik speċifikata fil-pjan tagħhom, iżda dawk li jaqbżu l-ammont jirrikorru għal data add-ons biex jibqgħu jużaw is-servizz ladarba l-allowance tad-data jekk tkun ikkunsmata bis-sħiħ.
80% ta’ dawk kollha li wieġbu għall-istħarriġ abbonaw għas-servizz tat-telefonija ċellulari, b’44% jgħidu li huma sodisfatti u 36% oħra jgħidu li huma sodisfatti ħafna.
Meta mqabbel mal-2019, abbonamenti post-paid żdiedu b’17-il punt perċentwali għal 58% tal-abbonamenti kollha tat-telefonija mobbli. 15% biss ta’ dawk li wieġbu jgħidu li jixtru l-abbonament tagħhom għat-telefonija ċellulari f’pakkett li jinkludi servizzi oħra ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.
L-istħarriġ jindika li 59% tal-abbonati tat-telefonija ċellulari jqisu li huwa importanti li l-fornitur tas-servizz tagħhom jintegra miżuri favur l-ambjent fil-mod kif imexxi n-negozju.
Minn dawk kollha li wieġbu, 71% minnhom jixtru mowbajl ġdid inqas minn darba kull tliet snin. Barra minn hekk, 62% ta’ dawk li wieġbu jgħidu li żammew il-mowbajl l-antik meta xtraw il-ġdid, filwaqt li 14% oħra jgħidu li tawh lill-familja jew ħbieb.