Kważi l-persuni kollha li jgawdu mill-iskema tat-Tapering tal-Benefiċċji, jibqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara li jieqfu jieħdu il-pagamenti t’għajnuna.
It-tapering tal-benefiċċju huwa li l-benefiċċju tal-qgħad jonqos gradwalment u mhux jinqata’ f’daqqa, meta persuna tidħol taħdem.
Qal dan id-Direttur fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali George Cremona, fejn f’kummenti ma’ ONE News spjega li n-numru pożittiv ta’ nies jaħdmu u mhux jiddependu fuq il-benefiċċji mistennija jiżdied.
Qal kif, “Bejn 80% u 85% ta’ dawk li bbenefikaw mit-tapering tal-benefiċċji baqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara li waqfilhom il-pagament tat-tapering tal-benefiċċji. Jiġifieri minn kien diġà qiegħed jaħdem ma waqafx mix-xogħol għax spiċċalu t-tapering u hawnhekk ħareġ biċ-ċar kemm ix-xogħol itik dinjità.”
Statistika uffiċjali mogħtija mill-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon fil-Parlament, turi li mill-elfejn u erbatax ’l hawn in-numru ta’ nies fuq it-tapering tal-benefiċċji żdied, bin-numru tal-aħħar snin jirrifletti wkoll it-tnaqqis drastiku ta’ persuni qiegħda.
Hawnhekk Cremona nnota kif f’pandemija, id-domanda għall-benefiċċji soċjali ma sparatx ‘l fuq u fl-aħħar sena Malta reġgħet bdiet tirreġistra tnaqqis fin-numru ta’ persuni li jiddependu fuq il-benefiċċji.
Spjega li, “F’sena ta’ pandemija l-benefiċjarji soċjali, jiġifieri dawk li jibbenefikaw għall-għajnuna soċjali ma żdiedux b’mod allarmanti u ftit. Iżda issa qed nerġgħu naraw tnaqqis.”
Fi ftit aktar minn seba’ snin, mindu Gvern Laburista ħa t-tmun tal-pajjiż f’idejh, in-nies jiddependu minn xi benefiċċju soċjali naqsu b’aktar min-nofs.
Qal, “It-tapering tal-benefiċċji tul is-snin irnexxielu mill-2013 sa 2020 jittnaqsu b’55%. Illu għandna ftit anqas minn 7,000 jitħallsu għajnuniet soċjali. Dak iż-żmien kellna ftit aktar minn 15,000 jitħallsu.”
It-tapering tal-Benefiċċji li huwa maqsum fuq tlett snin huwa bbażat fuq persentaġġ ta’ 65% tal-benefiċċju soċjali fl-ewwel sena, 45% tal-benefiċċju soċjali fit-tieni sena u 25% tal-benefiċċju soċjali fit-tielet sena. Min iħaddem jitħallas 25% tal-benefiċċju soċjali għal periodu ta’ 3 snin f’każ ta’ full-time u 12.5% fil-mija f’każ ta’ part-time.
Cremona spjega wkoll kif it-tapering tal-benefiċċji jimxi id f’id mal-in work benefit u ċ-ChildCare Centre b’xejn. li kollha wasslu għat-tnaqqis ta’ nies bla xogħol, partikolarment nisa.