Is-sena l-oħra daħlu kważi tliet mija u ħamsa u tmenin elf telefonata fil-kamra tal-kontroll tal-112.
Minn dawn l-eluf ta’ telefonati, erbgħa u sebgħin elf, tliet mija u tmenin telefonata biss kienu verament ta’ emerġenza.
Fl-istess sena, fost it-telefonati li kienu ta’ emergenza, kważi ħamsa u sebgħin fil-mija kienu ta’ natura li tirrikjedi għajnuna medika u b’hekk kienu mgħoddija lis-servizzi tas-saħħa. Filwaqt li, kważi ħmistax fil-mija ġew referuti lill-pulizija u ftit inqas minn ħdax fil-mija għaddew għand il-Protezzjoni Ċivili.
L-Assistent Kummissarju tal-pulizija Nezren Grixti spjega kif jiġu riferuti t-telefonati.
Qal kif, “Ix-xogħol jiġi mgħoddi lill-entitajiet oħrajn bħal eżempju d-Dipartiment tas-Saħħa, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll lill-Forzi Armati u jekk jirrikjedi mod ieħor li jkollhom bżonn l-assistenza tal-pulizija l-istess telefonata terġa’ tiġi referuta lid-dipartiment li semmejt qabel il-119.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri saħaq li t-telefonati lejn il-112 għandhom isiru b’responsabilità.
Spjega, “Telefonata fuq il-112 tista’ ssalva ħajja ta’ persuna, għaldaqstant tista’ tagħmel ħsara telefonata fuq il-112 meta ma jkunx hemm emergenza u għaldaqstant inħeġġeġ lil kullħadd biex inkunu responsabbli u nċemplu 112 meta vera ikun hemm bżonn u meta hemm emerġenza.”