Kważi għoxrin elf anzjan u anzjana li għandhom ’il fuq minn tmenin sena, ħadu l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ erba’ mitt ewro, mill-bidu ta’ din is-sena ’l hawn.
Minn dawn l-anzjani, aktar minn tmintax-il elf jgħixu fil-komunità.
Dawk li għandhom aktar minn ħamsa u sebgħin sena, ukoll jieħdu għotja, ta’ tliet mitt ewro.
Sa issa din is-sena, l-għotja għaċ-Ċittadin Anzjan għal dawk l-anzjani li għandhom ħamsa u sebgħin sena imma għadhom m’għalqux it-tmenin sena, ingħatat lil aktar minn tmintax-il elf anzjan.
Tnejn u għoxrin minn dawn l-anzjani, jgħixu fi djar residenzjali privati.
Dan ifisser li b’kollox, aktar minn sebgħa u tletin elf anzjan u anzjana li għandhom iktar minn ħamsa u sebgħin sena ħadu din l-għotja.
Dawn iċ-ċifri ngħataw fil-Parlament, u f’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon fisser l-impenn tal-Gvern biex aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Falzon qal,“Hija għotja li, biex ngħid hekk, nippruvaw li dak li ngħidu nuru li nemmnu fih. Aħna nixtiequ li jkollna aktar anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħna u għalhekk, dik li llum hija s-Senior Citizens Grant, dawk il-persuni li għandhom ħamsa u sebgħin sena, jirċievu somma kull sena, u dawk li għandhom minn tmenin ’il fuq, jirċievu wkoll somma fis-sena.”
Il-Ministru żied jgħid kif din l-għotja hija biss parti minn pjan ħolistiku li jinkludi sensiela ta’ miżuri oħra, kollha intiżi biex jgħinu lill-anzjani tagħna, fosthom iż-żidiet kull sena fil-pensjonijiet.
Huwa stqarr, “Hija miżura li hija mifruxa ma’ eluf ta’ anzjani, meta wieħed iqis anki d-demografija tagħna, u hija xi ħaġa wkoll li wieħed irid jaraha, mhux waħedha. Mhux biss li qed nagħtu din l-għotja, imma per eżempju, meta ntroduċejna bonus għal dawk li m’għandhomx biżżejjed bolli biex jieħdu pensjoni. B’mod ħolistiku, hawnhekk qed naraw kif ninkoraġġixxu aktar anzjani jibqgħu fil-komunità u jibqgħu jkunu parti attiva mis-soċjetà tagħna.”