Kważi elfejn persuna applikaw mal-Awtorità tad-Djar sabiex jingħataw imbottatura li ser tgħinhom isiru sidien ta’ djarhom.
Huma diversi l-persuni li l-kisba ta’ dar jarawha bħala telgħa wieqfa u għal din ir-raġuni l-Awtorità tad-Djar ħejjiet diversi skemi biex tgħinhom jiksbu l-istabbilità u jsiru sidien ta’ darhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay spjega ma’ ONE News kif dawn l-iskemi jkopru persuni li għadhom jibdew ħajjithom sa dawk li jixtiequ jqattgħu l-kumplament ta’ ħajjithom b’serħan il-moħħ.
Is-Sur McKay qal” “Reċentament kellna skema, ġiet imnedija skema mill-Ministru Galdes illi tgħin persuni illi għadhom żgħar fl-età imma li għandhom bżonn dik l-imbottatura għall-ewwel għaxra fil-mija li tintalab bħala depożitu. Skema oħra li tgħin din id-darba persuni li huma ikbar fl-età li huma persuni li għalqu l-erbgħin sena li għaddew minn xi ċirkostanza f’ħajjithom u qed isibuha aktar diffiċli minħabba li r-repayment period tagħhom huwa iqsar.”
Skema partikolari oħra tħejjiet apposta biex tgħin persuni bi dħul baxx jissellfu mill-bank.
Is-Sur McKay kompla jispjega: “Għandna wkoll skema li tgħin persuni li d-dħul tagħhom huwa relattivament baxx u hemmhekk l-awtorità flok ma tkun qed tagħti sussidju direttament għall-persuni biex jibqgħu fis-suq tal-kera, tgħinhom bl-istess sussidju ekwivalenti biex huma jottjenu loan mill-bank.”
L-iskemi tal-Awtorità huma mħejjija b’tali mod li jħeġġu lin-nies biex finalment ikunu sidien ta’ darhom.
Huwa sostna: “L-Awtorità nemmnu wkoll li l-aqwa għodda għall-istabbilità huwa li tgħin kemm jista’ jkun familji jsiru sidien ta’ darhom u bħala Awtorità tad-djar għandna diversi skemi li jgħinu mhux biss persuni illi qed isibu diffikultà jottjenu loan mill-bank imma persuni wkoll li għandhom dħul baxx u allura bħala awtorità nkomplu ngħinu biex l-ambizzjoni ta’ ħafna familji ssir realtà.”
McKay temm jgħid li filwaqt li l-pubbliku qed jikkonkorri għall-iskemi kollha, hemm interess qawwi b’mod partikolari fl-iskema li tgħin lill-persuni jissellfu mill-bank. Għal din l-iskema biss, applikaw minn tal-inqas elf persuna.