Sa għada, kważi elf ġenitur ta’ tfal ta’ taħt is-16-il sena u ta’ tfal b’diżabilità severa se jkunu tħallsu l-benefiċċju temporanju talli waqfu mix-xogħol u baqgħu d-dar jieħdu ħsieb l-uliedhom wara li għalqu l-iskejjel minħabba l-pandemija.
Fi stqarrija l-Gvern qal li 992 familja minn fost 1,267 applikant kellhom l-applikazzjoni tagħhom konkluża.
Dan ifisser li 78% ta’ dawk li applikaw u li kellhom l-applikazzjoni tagħhom konkluża rriżultaw eliġibbli.
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali spjega li bil-pagament ta’ tmiem din il-ġimgħa, l-ispiża se tkun telgħet għal ftit iżjed minn nofs miljun ewro (€523,119).
Meta mbagħad tgħodd il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali li se titħallsilhom ukoll, in-nefqa taqbeż il-€581,000.
Għal dan il-benefiċċju applikaw 1,420 persuna, li jfisser li sa issa nħadmu kważi 90% tal-applikazzjonijiet.
Fid-dawl li l-iskejjel se jiftħu gradwalment minn nhar it-Tnejn, dan il-benefiċċju se jibqa’ applikabbli sal-lum u b’hekk mhux qed jintlaqgħu aktar applikazzjonijiet minħabba l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.
Madankollu dawk li għandhom l-applikazzjoni pendenti, jekk jirriżultaw eliġibbli, xorta jitħallsu l-ġimgħa d-dieħla u jieħdu b’lura dak dovut.
In-numru ta’ applikanti din is-sena kien ferm anqas minn ta’ sena ilu.
Fil-fatt, waqt li sena ilu kienu applikaw 6,331 persuna għal dan il-benefiċċju partikolari, din is-sena applikaw 1,420 persuna, jew 22% tan-numru tas-sena l-oħra.
Il-Gvern qal li dan juri li anke s-settur privat addatta ruħu sew għas-sitwazzjoni tal-pandemija, anke permezz ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Gvern, sabiex fejn kien possibbli, ċertu xogħol beda jsir mid-dar.
Dan kien ta’ benefiċċju doppju kemm għall-ġenituri ħaddiema li baqgħu jaħdmu kif ukoll għal min iħaddimhom, għaliex ix-xogħol baqa’ għaddej.
Il-Ministru Michael Falzon tenna li dan il-Gvern dejjem qed ikun ta’ spalla għall-familji li jispiċċaw f’sitwazzjonijiet li ma jkollhomx kontroll fuqhom.
Irrimarka li dan il-Gvern dejjem ħadem sabiex ħadd ma jaqa’ lura, filwaqt li qal li persuni li kienu qed jieħdu benefiċċji soċjali oħra bħall-in-work benefit, baqgħu jgawdu minn dawn l-għajnuniet flimkien mal-benefiċċju għall-ġenituri.