Kważi ħadd li qagħad għat-test tan-nifs lejlet il-Milied ma rriżulta li kien taħt l-influwenza tal-alkaħol waqt li kien qed isuq. Jirriżulta li lejlet il-Milied saru 30 test tan-nifs fit-toroq tal-pajjiż iżda ħadd minn dawn li ġew mitluba biex joqgħodu għal dan it-test ma qabżu l-livell t’alkoħol kif stipulat fil-liġi.
Skont il-liġi, xufier li joqgħod għat-test u jsibu li għandu 22 mikro-gramma jew aktar t’alkoħol f’kull 100 millilitru ta’ nifs ikun jinsab taħt l-influwenza tal-alkaħol.
Minkejja li ħadd minn dan in-numru ma nstab pożittiv għall-alkoħol, xorta kien hemm żewġ persuni li rriżulta li kienu taħt l-influwenza tax-xorb minn dan it-test. Dawn iż-żewġ persuni kienu involuti f’żewġ inċidenti tat-traffiku fil-lejl tal-Milied.
Intant, madwar 350 vettura ġew spezzjonati waqt kontrolli li saru fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta li għadda. Dawn l-ispezzjonijiet saru fost l-oħrajn f’Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, il-Marsa, San Pawl il-Baħar, Buġibba, tas-Sliema u San Ġiljan.
Waqt dawn l-ispezzjonijiet ġew imħarrka u mwaqqfa diversi persuni minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku, li jinkludu sewqan mingħajr liċenzja valida jew polza tal-assigurazzjoni, sewqan mingħajr ċintorin u liċenzja tal-vettura mhux valida.