Mill-2017 sal-2024, eluf ta’ familji gawdew minn investiment ta’ €31.8 miljun mill-Awtorità tad-Djar li, permezz tal-iskemi tagħha, għenet lil dawk l-aktar fil-bżonn biex jixtru l-proprjetà tagħhom u biex titjieb il-kwalità tal-akkomodazzjonijiet soċjali f’pajjiżna.
Dan joħroġ mill-aħħar rapport f’serje ta’ tlieta mill-istess awtorità u li jipprovdi analiżi dettaljata tal-iskemi tagħha, bħala parti mill-isforzi kontinwi biex tipprovdi informazzjoni aġġornata u tiżgura aktar trasparenza fis-settur tad-djar.
Ir-rapport janalizza għadd ta’ skemi li jsaħħu l-poter tax-xiri tal-familji jew biex itejbu l-kwalità tal-akkomodazzjoni permezz ta’ għajnuna finanzjarja għar-rinnovazzjoni tal-proprjetajiet u biex id-djar isiru aktar komdi, aċċessibbli u abitabbli.
Dan l-istħarriġ evalwa ħames skemi ewlenin, fosthom l-iskema tal-First Time Buyers u dik għal persuni b’diżabilità, filwaqt li jikkonkludi b’ħarsa lejn l-investiment li għamlet l-awtorità fil-lifts.
Aktar minn 12,000 familja gawdew minn dawn l-iskemi, bl-aktar waħda popolari tkun dik tal-First Time Buyers, b’għotja ta’ €10,000 fuq għaxar snin. Mill-introduzzjoni tagħha, lura fl-2023, ftit inqas minn ħamest elef familja bbenefikaw, b’2,773 li diġà rċevew żewġ pagamenti, waqt li 2,136 ħadu l-ewwel pagament.
Aktar minn 7,100 familja gawdew minn skemi oħrajn bejn l-2017 u l-2024 … l-ekwivalenti għal aktar minn żewġ familji li ġew mgħejjuna kuljum.
L-investiment sħiħ fil-ħames skemi, jara żieda qawwija minn madwar €2.5 miljun fl-2017 għal €10.6 miljun is-sena l-oħra.
Fil-fatt minn dan ir-rapport, ħareġ li l-Awtorità qed tappoġġja kemm lil min jixtri l-ewwel dar kif ukoll lil min jirrinova d-dar tiegħu. Aktar minn nofs il-persuni li bbenefikaw mill-iskema tal-First-Time Buyers, xtraw residenza waħedhom, filwaqt li koppji investew f’proprjetajiet iktar għoljin. Persuni li bbenefikaw minn din l-iskema waħidhom, xtraw aktar appartamenti, milli djar, filwaqt li 47% tax-xerrejja baqgħu fl-istess lokalità.
Bħala parti mill-impenn tal-Awtorità biex ittejjeb il-kwalità tal-akkomodazzjoni u tagħmilha aktar aċċessibbli, ir-rapport jikkonkludi b’analiżi tal-investiment fl-installazzjoni ta’ lifts f’bini tal-gvern. Bejn l-2019 u l-2024, ġew installati 169 lift, li minnhom gawdew 1,200 familja – ekwivalenti għal lift wieħed kull ġimagħtejn.
Dawn ir-rapporti jistgħu jinstabu fuq is-sit tal-Awtorità.