Il-Gvern alloka żewġ miljun u seba mitt elf ewro f’forma ta’ pjan ta’ għajnuna biex jinkoraġixxi kumpaniji fl-industrija jħaddmu studenti permezz ta’ apprendistat.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ hekk kif ġie spjegat li din is-somma se tinqasam fuq perjodu ta’ sentejn.
Fil-fatt il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni spjegat kif permezz tal-apprendistat fl-MCAST, għal din is-sena qed jallokaw €750,000 filwaqt li fl-2022 se jkunu allokati €2 miljun.
Il-Kap Eżekuttiv u Prinċipal tal-MCAST il-Professur James Calleja spjega li l-kulleġġ jaħdem qatiegħ sabiex isaħħaħ l-lista ta’ sħab fl-industrija li llum tlaħħaq madwar 1,463 kumpanija b’1,675 student li huma ngaġġati bħala apprendisti.
Huwa qal ukoll li dan huwa impenn straordinarju bħala appoġġ għall-apprendistat. Il-prattika fuq il-post tax-xogħol għall-istudenti hija l-qofol ta’ dak li l-MCAST jemmen fih.
Spjega, “Meta l-istudent jiġi l-MCAST aħna rridu ndaħħluh fid-dinja tax-xogħol. Indaħħluh fid-dinja tax-xogħol bħala tagħlim mhux biex jaħdem biss għaliex? Għaliex li titgħallem direttament fil-post tax-xogħol se jtik vantaġġi kbar għall-karriera li trid tuża’ inti.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li dan il-gvern jemmen bis-sħiħ fl-aqwa riżors li għandu, ir-riżors uman, u għalhekk qed ikompli jinvesti fih u fil-futur ta’ pajjiżna.
Qalet, “Qed nitkellmu madwar €3 miljun li ħa nkunu qegħdin nagħtu f’finanzjament lis-settur privat biex ikun jista’ jimpjega lill-apprendistati tagħna biex ikunu jistgħu wkoll jużaw dak li jkunu tgħallmu hawnhekk fil-post tax-xogħol tagħhom.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-irkupru ekonomiku u t-tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna jiddependu fuq is-suq tax-xogħol.
Għalhekk permezz ta’ skemi bħal dawn, ladarba studenti Maltin ikunu qed jistudjaw u eventwalment isibu ruħhom fuq il-post tax-xogħol, l-attività ekonomika li se jkunu qed jiġġeneraw se tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ pajjiżna.
Qal, “F’inizjattiva bħal dik ta’ llum iva jiena bħala Ministru tal-Finanzi rridu nara li hemm biżżejjed riżorsi biex il-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin nużawhom bl-aħjar mod possibbli.”