Infrastruttura Malta ngħatat kważi €22 miljun ewro f’fondi Ewropej mid-Direttorat Ġenerali tal-Mobbiltà u t-Trasport fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.
Dan għat-2 proġetti maġġuri f’pajjiżna tal-Junction ta’ Ħal Luqa u l-proġett ta’ ħdejn ir-roundabout tal-ajruport li jinkludi wkoll il-mini ta’ Ħal Kirkop
Ħabbret dan l-Aġenzija Infrastruttura Malta fuq il-profil uffiċjali tagħha fuq Facebook hekk kif spjegat li dawn il-proġetti li jagħmlu parti minn proġetti TEN-T f’pajjiżna, huma fost 135 proġett ta’ trasport fl-Ewropa li ntgħażlu minn 399 applikazzjoni biex jibbenefikaw mill-fond ‘Nikkollegaw l-Ewropea, għal trasport sostenibbli u aktar sigur.
B’reazzjoni għal dan, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett tenna kif dawn il-fondi huma importanti mmens għan-nofsinhar ta’ Malta
Qal li “jien nilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummisjoni Ewropea li talloka dawn il-kważi €22 miljun oħra mal-fondi li diġà għandna mal-fondi mill-Pjan ta’ Rkupru, Reżiljenza u l-Politika tal-Koeżjoni fuq dawn il-proġett importanti mmens għan-nofsinhar ta’ Malta.”
Spjega wkoll li dawn il-fondi huma ċertifikat ta’ fiduċja mill-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna.
Spjega kif “issa li għandna anke l-konferma tal-fondi jkompli jikkonferma kemm il-Kummissjoni tavda lill-Gvern Malti bil-proġetti tiegħu billi talloka dawn il-fondi.”
Intant fi stqarrija seprata l-Kummissjoni Ewropea kwotat lill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Adina-Ioana Vălean hekk kif spjegat li b’kollox ġew allokati €5.4 biljun ewro lill-proġetti madwar l-Ewropa li se jtejbu l-konnettività infrastrutturali u jgħinu t-trasport isir aktar sostenibbli, effiċjenti u sigur.
L-istqarrija żiedet tgħid kif l-objettiv primarju tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam huwa li tassigura li tlesti l-proġetti li jaqgħu taħt in-netwerk ewlieni tat-TEN-T sa l-2030 filwaqt li dawk li jaqgħu taħt in-netwerk komprensiv, jitlestew sal-2050.
Dan filwaqt li jiġi assigurat li din l-istess infrastruttura tgħin lill-Ewropa tilħaq il-miri tagħha dwar il-klima mfassla fil-European Green Deal.