Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena ġew kważi disa’ mitt elf turist f’pajjiżna għal btala. Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li, meta l-ewwel xhur ta’ din is-sena jitqabblu mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, l-ammont ta’ turisti żdiedu b’aktar minn mija u sbatax-il elf turist.
Dan ifisser li s-settur turistiku jinsab fl-aqwa livell li qatt kien, hekk kif is-sena l-oħra kienet is-sena tar-rekords għal dan is-settur tant kruċjali fl-ekonomija lokali.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll kif anke n-nefqa mit-turisti żdiedet b’aktar minn mija u tletin miljun ewro, meta mqabbel mal-perjodu ta’ bejn Jannar u April li għadda.
Dan hekk kif f’dawn l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, in-nefqa mit-turisti kienet tammonta għal kważi sitt mija u ħamsin miljun ewro.
L-aktar turisti li ġew fostna f’dan il-perjodu kienu mis-swieq tar-Renju Unit, l-Italja, il-Polonja, Franza u l-Ġermanja. Dan filwaqt li l-akbar grupp ta’ età li minnhom ġew turisti kienu dawk li għandhom bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena.