Matul is-sena li għaddiet, is-Supportline 179 irċieva total ta’ tmient elef u disa’ mitt telefonata għall-għajnuna. Minn dan in-numru kien hemm aktar minn elfejn u ħames mija li kienu mingħand nies li sempliċiment kellhom bżonn jitkelmu ma’ xi ħadd.
Dan ġie żvelat mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fil-Parlament. Minkejja li s-Supportline 179, serva bħala ħajt ta’ kenn għal aktar minn sitt mija u tmenin persuna li jinsabu waħedhom, dan is-servizz kien ukoll ta’ għajnuna għal aktar minn elf persuna li għaddejjin minn sfidi li ġġib magħha s-saħħa mentali.
Problemi li jistgħu saħansitra jwasslu għal tentattiv sabiex wieħed ineħħi ruħu b’idejh. Għaldaqstant, dan is-Supportline kien ta’ appoġġ għal aktar minn ħamsin telefonata li saru minn pesuni li nħakmu minn siegħa ħażina. Dawn it-tip ta’ ħsibijiet jistgħu jiġu kkawżati minħabba diversi ċirkostanzi fosthom minħabba dipressjoni. B’din tal-aħħar waslet sabiex il-ħaddiema tal-Aġenzija laqgħat tlett mija u sebgħin li saru min-nies li fittxew l-għajnuna sabiex jegħlbu l-ostakoli li ġġib magħha din il-kundizzjoni.
Tkellimna ma’ Svetlana Buttigieg mis-Supportline 179 li fissret dwar l-għajnuna li tingħata lil dawn il-persuni li jirrikorru għall-assistenza.
Is-Supportline rċieva wkoll aktar minn tlett mija u sittin telefonata mingħand anzjani. ONE NEWS staqsa lis-Sinjura Buttigieg dwar l-iktar affarijiet komuni li jissemmew mill-anzjani li jfittxu l-għajnuna tas-Supportline 179.
Minkejja li l-ħajja hija mimlija sfidi, wieħed qatt m’għandu jaqta qalbu. Għalhekk huwa importanti li jirrikorri għall-għajnuna.