Is-sena l-oħra, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra numru ta’ rekord ta’ passiġġieri – kważi disa’ miljun.
Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg. Hawnhekk ħareġ li f’sena kien hemm żieda ta’ aktar minn miljun u mitt elf passiġġier, meta mqabbel ma’ sena qabel.
F’Lulju u Awwissu li għadda, l-ajruport Malti ra aktar minn 900,000 passiġġier. Intqal ukoll li l-mitjar Malti ra żieda ta’ 21% fil-perjodu tax-xitwa.
L-akbar swieq irreġistrati s-sena l-oħra kienu l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja. Dan filwaqt li l-aktar ajruporti li marru fihom minn Malta kienu Gatwick f’Londra, Fiumico f’Ruma, Katanja, Manchester u Munich.
Ħareġ ukoll li 50% tal-passiġġieri użaw il-linja Ryanair, waqt li 21% użaw il-linja nazzjonali tal-ajru KM Malta Airlines, sa Marzu li għadda, Air Malta.
Il-Kap Eżekuttiv Alan Borg qal li qed iħarsu li din is-sena tkun sena tajba għal dan is-settur. Semma kif il-proġett ta’ infrastruttura fl-ajruport għadu għaddej, fejn matul it-tieni kwart ta’ din is-sena ż-żona tal-VIP il-ġdida tkun miftuħa.