Stħarriġ li għamlet l-EY jindika li 80% tal-kumpaniji barranin jemmnu li l-ġejjieni tagħhom huwa f’pajjiżna.
Kienu 15% biss li ma jarawx il-ġejjieni tagħhom f’Malta.
Dan huwa nofs il-proporzjon li kien irrisponda l-istess meta kien sar dan l-istħarriġ fl-2012.
Dakinhar terz tal-kumpaniji intervistati kienu sostnew li ma jarawx futur f’pajjiżna.
Huwa ferm impressjonanti li l-livell ta’ fiduċja f’pajjiżna wara pandemija huwa daqstant aħjar milli kien fl-2012.
Dan jista’ jirrifletti l-fatt li minkejja l-impatt ekonomiku qawwi tal-pandemija, aktar minn 50% tal-kumpaniji intervistati jemmnu li ser ikunu lura għal-livell ta’ attività li kellhom qabel il-pandemija f’anqas minn sena.
Jirriżulta wkoll li minkejja l-pandemija, nofs il-kumpaniji ma biddlux il-pjanijiet ta’ investiment tagħhom.
Aktar investituri kabbru l-operat tagħhom f’Malta, tant li wieħed minn kull ħames ażjendi kkonfermaw li mexxew għal pajjiżna attività li kienu jagħmlu barra.
Erbgħa minn kull għaxar investituri qalu li sejrin ikomplu ikabbru l-operat tagħhom.
Tant hawn fiduċja fil-prospetti li joffri pajjiżna li wieħed minn kull għaxar investituri sostna li biddel il-pjanijiet li kellu u minflok inaqqas jew jagħmel xejn ġdid, issa għażel li sejjer jinvesti aktar.
Huma biss 4% tal-investituri li sostnew li mhux sodisfatti bl-għajnuna li ta l-Gvern tul il-pandemija.
Dan jidher huwa fattur kbir wara l-kunfidenza li teżisti f’pajjiżna.
Dan joħroġ ukoll mill-fatt li terz tal-kumpaniji qalu li qegħdin jirreklutaw aktar ħaddiema.
Skont l-istħarriġ, l-aktar setturi li se jikbru fiż-żmien li ġej huma t-turiżmu, r-remote gaming u l-intelligenza artifiċjali.
Minħabba li dan l-istħarriġ sar ftit wara li tħabbret id-deċiżjoni tal-FATF jidher li kien jeżisti tħassib fuq x’jista’ jirriżulta minħabba din id-deċiżjoni mhux mistennija.
Stħarriġ aktar riċenti minn entitajiet bħall-Kummisjoni Ewropea kif ukoll il-Bank Ċentrali jindika li s-sentiment ġenerali fost il-kumpaniji malajr irkupra u bħalissa jinsab f’livelli ferm ogħla mill-medja storika.