Mill-elfejn u tmintax sal-lum, kważi sitt mitt pazjent li għal xi raġuni jew oħra, kienu qed jingħataw il-kura fl-Isptar Monte Carmeli, ġew rilokati f’akkomodazzjoni alternattiva fil-komunità.
Dan biex filwaqt li jgħixu ħajja viċin in-normalità bl-għajnuna li jkollhom bżonn, jonqsu n-nies li jinżammu f’ambjent ta’ sptar bla bżonn.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Carmeli, Stephanie Xuereb spjegat kif dawn il-mijiet ta’ pazjenti, jaqgħu taħt tliet kategoriji ewlenin.
Qalet, “Dawn il-pazjenti kienu nies anzjani, nies li għandhom mard mentali kroniku imma mhumiex anzjani allura aħjar ikunu f’tip ta’ akkomodazzjoni li tissapportjahom imbagħad hemm nies li għandhom jew diżabilità intelletwali jew xi mard diġenerattiv.”
L-għan ewlieni huwa li fejn jista’ jkun, in-nies jirċievu l-kura fil-komunità u mhux fl-isptar, biex jibqgħu jgħixu l-ħajja li jkunu mdorrijin biha fl-istess ħin li jieħdu l-għajnuna li jkollhom bżonn biex jegħlbu l-isfidi mentali.
Stqarret, “Dan huwa kif qed nimxu mal-istrateġija tas-saħħa mentali, fejn idealment, in-nies jirċievu l-kura mhux fl-isptar imma fil-komunità, fejn huma jerġgħu jsiru parti mill-komunità u s-servizzi kollha jkunu iktar skont il-bżonnijiet tal-persuna; jekk inhi anzjana, fid-djar tal-anzjani; jekk ma tistax tieħu ħsieb tiegħek innifsek għax għandek bżonn sapport, ġo sheltered accomodation, jew inkella ġo dar apposta skont il-bżonnijiet tal-pazjent.”
Din hija waħda minn diversi inizjattivi li qed jittieħdu, id f’id mal-istrateġija għas-saħħa mentali, li tisħaq fuq kura fil-komunità u bidla fis-servizzi għal aktar reżiljenza.
Qalet, “Iktar ma jgħaddi ż-żmien, is-servizzi ħerġin minn Mount Carmel u jmorru fil-komunità. Għandna l-community mental health clinic teams ġol-komunità, għandna l-outreach team, riċenti nedejna servizz ġdid il-Crisis Resolution Home Treatment fejn l-idea hija li kemm jista’ jkun tipprevjeni li n-nies jidħlu għall-kura ġol-isptar Monte Carmeli.”