Kważi ħames mitt persuna mietu, filwaqt li eluf oħra spiċċaw feruti kawża tal-attakki sparati minn Gaza lejn Iżrael.
Dan l-attakk kien wieħed sorpriża hekk kif reġa’ skatta l-ġlied bejn il-Hamas u Iżrael.
Il-midja Iżraeljana qed tgħid li minn tal-inqas mietu mitejn u ħamsin persuna u elf u ħames mija oħra spiċċaw indarbu. Dan filwaqt li l-Ministeru għas-Saħħa Palestinjan qal li f’Gaza mietu minn tal-inqas mitejn u tletin persuna oħra filwaqt li ġew feruti mal-elf u seba’ mitt ruħ.
B’hekk dawn l-attakki qegħdin ikunu meqjusa fost l-aktar li ħallew fatalitajiet f’Iżrael fl-aħħar snin.
Intant, qiegħed jiġi rraportat kif militanti tal-Hamas qabdu numru ta’ suldati Iżraeljani u persuni ċivili u ħaduhom lejn Gaza, minn fejn inxterdu numru ta’ filmati li juru militanti tal-Hamas isawtuhom.
Iżrael irritalja għall-attakki tas-Sibt filgħodu billi spara numru ta’ rokits lejn Gaza sigħat wara t-twissijiet li għamel l-President Iżraeljan, Benjamin Netanyahu biex in-nies jevakwaw hekk kif saħaq li Iżrael se jkun qed jirritalja billi juża l-forza kullimkien.
F’kitba fuq il-midja soċjali, Netanyahu mhux biss stqarr li l-attakki fuq Iżrael fissru bidu għal gwerra brutali iżda qal li Iżrael se jkun qiegħed jattakka l-postijiet minn fejn qegħdin jaħdmu l-Hamas.