Kważi erba’ mija u tletin elf turist żaru pajjiżna fix-xahar ta’ Awwissu. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li jikkonferma kif Awwissu kien l-aqwa xahar għas-settur turistiku lokali fl-istorja.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li kien hemm żieda ta’ sebgħa u ħamsin elf u sitt mitt turist, meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2023, l-aħħar sena rekord.
Il-maġġoranza tat-turisti li ġew f’pajjiżna, fix-xahar imsemmi, kienu dawk ta’ taħt l-erbgħa u għoxrin sena u warajhom isegwu dawk li għandhom bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena.
L-akbar swieq tat-turisti f’pajjiżna kienu dawk ġejjin mill-Italja, mir-Renju Unit u Franza, li ammontaw għal aktar minn tlieta u ħamsin fil-mija tat-turisti kollha li waslu fostna.
Minbarra hekk, f’Awwissu li għadda, in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna kienet tgħodd għal aktar minn erba’ mija u tmenin miljun ewro, li tfisser żieda ta’ aktar minn tnejn u għoxrin miljun ewro, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Meta wieħed iħares lejn l-ewwel tmin xhur tas-sena, jinnota li f’pajjiżna waslu aktar minn żewġ miljun u erba’ mitt elf turist. Din tfisser żieda ta’ kważi erba’ mija u għoxrin elf turist, meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel.
F’dan il-perjodu, kien hemm żieda wkoll fin-nefqa totali li laħqet erba’ mija u għaxar miljun ewro. Dan hekk kif in-nefqa tat-turisti sa Awwissu kienet ta’ aktar minn żewġ biljun ewro.