Fl-ewwel jum tal-kampanja ta’ tilqim kontra l-influwenza u l-varjant tal-Omicron, ingħataw kważi 4,000 tilqima.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, fuq Twitter, fejn tenna l-appell tiegħu biex aktar nies jitlaqqmu kontra l-influwenza, li din is-sena mistennija tkun aktar qalila minn snin oħrajn, u l-varjant Omicron, li huwa l-aktar varjant komuni bħalissa tal-Covid-19 fil-komunità.
Bħalissa għall-ewwel ġimagħtejn, it-tilqim qed jingħata lil dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli, jiġifieri lill-persuni li għandhom aktar minn ħamsa u ħamsin sena, lil dawk b’mard kroniku, lin-nisa tqal, lil min jaħdem jew jgħix f’xi istituzzjoni, lill-ħaddiema tas-saħħa, u lit-tfal ta’ bejn is-sitt xhur u l-ħames snin.
Wara, se jkun jista’ jitlaqqam kulħadd.
It-tilqim qed jingħata skont skeda li qed tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għas-Saħħa u fuq il-paġna tal-Facebook “Saħħa”.