Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Settembru, il-bibien tal-iskejjel se jiftħu għal sena skolastika ġdida biex jilqgħu kważi ħamsa u tletin elf tifel u tifla fuq il-bankijiet tal-iskola.
Dan hekk kif disgħa u għoxrin elf u sitta u tmenin (29,086) student u studenta se jkunu mifruxa mill-ewwel sena tal-Primarja sal-ħdax-il sena tas-Sekondarja.
Ħamest elef, disa’ mija u ħdax-il (5,911) student fil-livell ta’ Kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom fl-1 ta’ Ottubru.
B’hekk ikunu b’kollox se jkunu daħlu total ta’ erbgħa u tletin elf, disa’ mija u seba’ u disgħin (34,997) student u studenta fl-iskejjel tal-Istat.
Sadanittant, nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru se jkunu qed jidħlu fuq il-post tax-xogħol tagħhom tmint elef, mitejn u sebgħa u tletin elf (8,237) edukatur fl-iskejjel tal-Istat.
Fil-fatt, din is-sena skolastika ġdida se tibda wara sajf sħiħ ta’ preparamenti li jvarjaw minn dawk amministrattivi u akkademiċi sa proġetti infrastrutturali u diġitali. Dan hekk kif ġew impjegati 235 professjonist ġdid fosthom edukaturi, u ġew mġedda 544 kuntratt ta’ professjonisti oħrajn.
Matul din is-sena skolastika se jkun hemm tlett elef, erba’ mija u disgħa u erbgħin (3,449) rotta ta’ trasport b’xejn tal-iskejjel, li aktar minn disa’ mija minnhom (931) huma għal studenti tal-iskejjel tal-Istat.
Total ta’ tlieta u tletin elf, seba’ mija u wieħed u sittin (33,761) student u studenta mil-livell ta’ kindergarten sas-sekondarja se jgawdu minn dan is-servizz.
Matul is-sajf tlestew tliet proġetti maġġuri ta’ infrastruttura edukattiva mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada b’investiment ta’ €64 miljun, filwaqt li hemm tmintax-il proġett ieħor ta’ rinnovazzjoni ta’ postijiet ta’ rikreazzjoni fl-iskejjel u fiċ-childcare centres li se jkompli għaddej ix-xogħol fuqhom b’investiment ta’ ’l fuq minn €500,000.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima spjega li kien hemm eżerċizzju kbir biex ikun żgurat li l-klassijiet fis-snin kollha tal-iskejjel tal-Istat ikollhom l-edukatur tagħhom fis-suġġetti kollha, filwaqt li xogħol massiv ieħor kien jikkonċentra fuq l-ambjent edukattiv li fih se jqattgħu x-xhur li ġejjin l-edukaturi u l-istudenti.