Bejn Ottubru u Diċembru li għadda kien hemm żieda ta’ 2,753 persuna iżjed taħdem f’impjieg full-time meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Dan skont il-Labour Force Survey fejn juri, li b’kuntrast mal-pajjiżi ta’ madwarna, Malta rreġistrat din iż-żieda tal-impjiegi full-time minkejja l-pandemija.
Meta feġġew l-ewwel każijiet ta’ COVID-19 f’Malta, ġie nnotat tnaqqis ta’ 666 impjieg full-time; madanakollu fl-aħħar kwart tal-2020 – is-sena li fiha l-pandemija ġabet magħha ħafna sfidi ekonomiċi fost oħrajn – l-ammont ta’ ħaddiema full-time kienu jgħoddu għal 229,255 jiġifieri żieda ta’ 1.2% iżjed fuq is-sena ta’ qabel.
Ta’ min jinnota illi dawn ir-riżultati pożittivi, f’kuntest ta’ sfida, ġew minn numru ta’ pakketti t’għajnuna mingħajr preċedent mill-Gvern flimkien mal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ €900 miljun.
Fattur ieħor li ħareġ mill-istess statistika uffiċjali huwa li f’dan iż-żmien ta’ sfida ma naqasx l-ispirtu ta’ intrapriża lokali, tant li minkejja li fl-ewwel kwart kien hemm nuqqas ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, dan ma kienx l-istess fix-xhur ta’ wara, tant li fl-aħħar kwart ġiet irreġistrata żieda ta’ 546 ħaddiem meta mqabbel mal-istess żmien fis-sena ta’ qabel.
Jekk nagħtu ħarsa lejn il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, waqt li Malta kellha żieda ta’ kważi 3,000 impjieg full-time, Ċipru rreġistrat 2,500. Iżda, fil-pajjiż ġarr tagħna, l-Italja kien hemm telf ta’ 162,000 impjieg full-time, filwaqt li fi Spanja ġie rreġistrat nuqqas ta’ 516,000.
L-Olanda li qabel il-pandemija kienet mutur ekonomiku fiż-Żona Ewro wkoll kellha tnaqqis sinifikanti ta’ 103,000 impjieg full time fuq medda ta’ sena. Pajjiżi bħall Awstrija u r-Repubblika Ċeka, li qabel il-pandemija kellhom fost l-inqas rati ta’ qagħad, in-numru ta’ persuni li jaħdmu full-time naqas b’44,000 u 51,000 rispettivament.
Dan it-tnaqqis seħħ mikejja li l-gvernijiet taw sostenn finanzjarju sostanzjali, madanakollu l-ebda gvern ieħor ma ta l-istess għajnuna li ta l-Gvern Malti. Fejn f’Malta n-negozji ngħataw sussidju għax tilfu l-bejgħ u bosta baqgħu jħaddmu l-ħaddiema bl-istess sigħat ta’ qabel il-pandemija.