Bejn l-2009 u l-2015, jiġifieri f’sitt snin, kien hemm kważi tliet mitt każ ta’ inġustizzja mas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Każi li kienu konklużi mill-Ombudsman jew mill-bord li kien inħatar apposta.
Dan riżultat ta’ sistema li kienet ħolqot inġustizzji kbar, meta lura fl-2009, il-promozzjonijiet għas-suldati kienu joħorġu meta jidhirlu l-Kap Kmandant, u ġieli damu ħames snin.
B’din is-sistema, l-assessjar kien isir mill-uffiċjal ta’ fuq is-suldat, li faċilment seta’ jilgħab bil-punti kif ried hu. Xi ħaġa li kienet toħloq ħafna allegazzjonijiet inġusti.
B’differenza għal dak li kien isir fl-imgħoddi, issa hemm sistema ġdida. Sistema trasparenti, maħduma biss fuq il-meritokrazija.
Infatti, din is-sistema neħħiet is-suġġettività, u issa suldat ikun jaf kemm jista’ jġib punti f’kull eżerċizzju, u kemm attwalment ikun ġab.
Dan għaliex il-punteġġi qed jingħataw biss skont il-mertu tas-suldat f’dak kollu li jagħmel.
Għal gradi oħra imbagħad, li bejniethom ikun hemm qabża fir-responsabbiltajiet, iddaħħlu korsijiet professjonali, li jippreparaw lil dak li jkun għall-grad li fih ikun se jkun promoss.
F’dan ir-rigward, għaddejjin diskussjonijiet bil-għan li ta’ dawn il-korsijiet is-suldati jibdew jingħataw ċertifikat rikonoxxut anke għal meta jispiċċaw mill-Forza.