Mill-bidu ta’ Settembru li għadda sal-lum, sebgħa u disgħin persuna f’pajjiżna bdew jingħataw benefiċċju ġdid mill-Gvern minħabba li jbatu b’kundizzjonijiet ta’ saħħa, bħalma huma l-Fibromyalgia u l-Myalgic Encephalomyelitis jew l-ME fil-qasir.
Minn tagħrif li ngħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, bi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat David Agius, jirriżulta li, f’dawn l-erba’ xhur biss, il-Gvern diġà qassam iżjed minn ħames mija u ħdax-il elf ewro lil dawk li, s’issa, instabu li jikkwalifikaw għall-benefiċċju.
Il-Ministru tenna li, permezz ta’ miżura mħabbra mill-Gvern fil-baġit għas-sena li għaddiet, ġie twaqqaf bord inter-professjonali biex jevalwa l-applikazzjonijiet kollha għall-Assistenza għal Diżabilità u l-Assistenza għal Diżabilità Severa għal persuni bi problemi ta’ funzjonalità.
Qal li, mindu ġiet introdotta r-riforma, ġew sottomessi b’kollox 1,254 applikazzjoni, li ma inkludewx biss lil dawk bil-kundizzjoni tal-Fibromylagia jew l-ME. Minn dawn, ġew ipproċessati s’issa 676, waqt li 458 ġew miċħuda, għax ma ssodisfawx il-parametri amministrattivi u ġew iggwidati biex japplikaw mill-ġdid kif suppost.
Minn 218-il applikazzjoni li dehru quddiem il-bord inter-professjonali, 121 ukoll ġew miċħuda minħabba li l-livell ta’ non-funzjonalità rriżulta baxx wisq biex jikkwalifikahom għall-benefiċċju, skont il-kriterji tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Il-Ministru enfasizza li l-ħlasijiet dovuti li dawk eliġibbli tħallsu b’lura mill-1 ta’ Jannar tas-sena l-oħra, anke jekk il-benefiċċju ddaħħal minn Settembru li għadda.