Il-Juventini Maltin għandhom dar ġdida hekk kif din il-gimgha ġew inawgurati l-kwartieri ġodda tal-Juventus Club Cuore Bianconero, fi Triq Troubridge, fil-Marsa. Il-kwartieri ġodda huma ferm ikbar minn dawk li l-klabb kellu fl-Imrieħel, imma fuq kollox iġibu magħhom aċċessibiltà totali għal dawk bi problema ta’ mobiltà, anzjani jew ġenituri bi tfal żgħar. Hemm ukoll faċilitajiet għal ġenituri bi tfal żgħar bl-għan li kemm jista’ jkun il-kwartieri ġodda tal-klabb iservu wkoll bħala post għall-familja kollha.
F’messaġġ tal-okkażjoni, il-President tal-klabb Omar Busuttil, qal li dan kien il-pass li jmiss għal klabb li fl-aħħar ħames snin mit-twaqqif tiegħu kiber b’rata sostanzjali. Attwalment il-klabb għandu t-titlu tal-ikbar supporters club Juventin barra mill-Italja. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ wasslet ukoll messaġġ ta’ għaqda, bil-President Omar Busuttil jiddikjara li l-kumitat lest jaħdem ma’ kull supporters club ieħor f’pajjiżna. Filfatt, għal din l-okkażjoni attendew mhux biss membri ta’ kumitati oħra ta’ supporter clubs ta’ Juventus f’pajjiżna, imma wkoll dawk ta’ klabbs rivali fl-Italja, Spanja u l-Ingilterra.
Matul is-serata, intwera wkoll filmat b’sorpriża, hekk kif il-midfielder ta’ Juventus u tat-tim nazzjonali Taljan, Claudio Marchisio, bagħat messaġġ personali lill-Juventini Maltin u esprima x-xewqa li jżur pajjiżna. Għaċ-ċerimonja tal-ftuħ attendew ukoll numru ta’ mistiedna distinti miż-żewġ partiti politiċi.”