Wieħed minn kull erba’ persuni li daħlu l-isptar Monte Karmeli bejn Ottubru tal-2018 u Marzu tal-2019 għamlu dan kawża ta’ dipendenza fuq id-droga jew l-alkoħol.
Wera dan stħarriġ mill-Ġurnal Mediku Malti hekk kif spjega li madwar tliet mitt persuna ddaħħlu l-isptar Monte Karmeli fil-perjodu msemmi.
Fil-fatt, 23.3% tal-pazjenti kollha kellhom xi tip ta’ dipendenza fuq drogi u alkoħol.
Dan l-istudju wera wkoll li l-inċidenza li l-irġiel jiddaħħlu fl-istess sptar hija darbtejn aktar minn dik tan-nisa. Dan filwaqt li 68.3% tal-pazjenti daħlu fl-isptar b’mod volontarju.
Iċ-Chairperson kliniku tal-isptar Monte Karmeli, Dr. Anton Grech spjega kif dawk li jiddaħħlu f’Monte Karmeli u li fost oħrajn jabbużaw minn drogi, jinqasmu f’kategoriji.
Huwa qal, “Dawk li jiġu minħabba użu ta’ sustanzi jew alkoħol jew drogi jinqasmu fi 3 kategoriji. Għandek min għandu problemi psikjatriċi bħal schizophrenia, depression, bipolar u juża’ wkoll sustanzi. Issa dawn is-sustanzi jistgħu jkunu li ġabu l-kundizzjoni huma jew ġabuha agħar.”
Dr. Grech sostna wkoll kif dan iż-żmien partikolari, ta’ festi, huwa sinonimu ma’ żieda ta’ pazjenti li jirrikorru għas-servizzi tal-isptar Monte Karmeli.
Huwa saħaq, “Fi żmien il-festi ġeneralment sfortunatament is-sustanzi jintużaw iktar allura ikollok aktar nies li għaddejjin minn din il-problema barra li nies li jkunu qegħdin jippruvaw jagħmlu xi programm jew sptar ikollhom iktar tentazzjoni biex iwaqqfu l-kura u jużaw is-sustanza.”
Dr. Grech appella sabiex f’dan iż-żmien ta’ festi fejn it-tentazzjoni ta’ abbuż tkun ikbar wieħed iżomm id-dixxiplina sabiex jevita li jispiċċa vittma ta’ dipendenza tad-droga u l-alkoħol.