Ħidma mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wasslet biex instabu ħamsin kaxxa li kien fihom 250,000 elf sigarett mingħajr dazju.
Kien l-Erbgħa tard filgħaxija meta ġie mwaqqaf pick-up li kien qed jirmonka cabin cruiser f’Marsaskala; bl-isemmija opra tal-baħar kienet għadha kif iddaħlet fil-bajja. Minħabba l-possibilità li seta’ kien hemm moħbija fiha droga jew affarijiet oħra illeċti, saret tfittxija.
Is-sejba ta’ kwart ta’ miljun sigarett bla dazju għaddiet lill-uffiċjali tas-sezzjoni tal-Infurzar tal-Liġi tad-Dwana ta’ Malta. Żewġt’irġiel minn Ħal Tarxien u l-Isla, u mara mill-Fgura, qed jinżammu mill-Pulizija biex jgħinu fl-investigazzjonijiet.