Ħafna drabi l-vjolenza domestika tiġri wara bibien magħluqa, xi kultant quddiem għajnejn it-tfal, dak it-tifel jew tifla li żgur m’għandhomx ikunu esposti għal dawn it-tip ta’ xeni. Iżda dwar din it-tip ta’ vjolenza kull persuna għandha opinjoni differenti. Dan ħareġ minn stħarriġ li għamel l-uffiċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea fid-dawl li llum l-Ewropa tfakkar il-vittmi tal-vjolenza domestika bl-għan li toħloq aktar kuxjenza u għarfien.
L-istħarriġ ippublikat juri li persuna minn kull erba’ temmen li l-maġġoranza tal-każijiet ta’ stupru jistgħu jiġi ġustifikati filwaqt li persuna minn kull ħamsa temmen li l-aggressur ħafna drabi jiġi provokat mill-vittma. L-istatistika turi wkoll kif mara minn kull tlieta, li jgħixu fil-membri stati Ewropej esperjenzat vjolenza fiżika jew sesswali mill-etá ta’ ħmistax-il sena.
L-istudju juri li:
- 56% tal-Maltin jemmnu li l-vjolenza domestika fuq in-nisa hija komuni
- 25% jemmnu li hija komuni ħafna
Filwaqt li:
- 48% tal-Maltin jemmnu li l-vjolenza domestika fuq is-sess maskili mhijiex komuni
- 37% jemmnu li din hija komuni
27% taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li att sesswali mingħajr kunsens jista’ jiġi ġustifikat jekk il-vittma kienet taħt l-influwenza tal-alkoħol/drogi jew jekk libset ħwejjeġ provokattivi.
Filwaqt li 22% qalu li l-vittmi nisa ħafna drabi, meta nitkellmu dwar każijiet ta’ stupru, jagħmlu allegazzjonijiet foloz jew essaġġerati
Il-Parlament Ewropew fil-Plenarja fi Strasburgu, ivvotta favur rapport li jappella biex il-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea jirrattifikaw il-konvenzjoni ta’ Istanbul. Filfatt pajjiżna kien wieħed mill-ftit pajjiżi li rratifika dan id-dokument dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda tal-vjolenza domestika kontra n-nisa. Dan huwa l-ewwel strument li jorbot legalment fl-Ewropa dwar il-vjolenza kontra n-nisa u huwa trattat internazzjonali biex tittratta l-vjolenza kontra n-nisa bħala ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.