Is-settur tal-ospitalità f’pajjiżna rreġistra riżultati pożittivi ferm għat-tielet kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Lulju u Settembru.
Dan ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet li tellgħet l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, fejn innotat li l-irkupru tas-settur wara l-imxija tal-COVID-19 kien aktar b’saħħtu minn dak previst.
Fil-fatt, intqal kif il-wasliet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’dan il-perjodu huma mistennija li qabżu l-miljun persuna. Dan ifisser li dan il-kwart ra mat-tmienja u tmenin elf turist aktar li wasal f’pajjiżna meta mqabbel mal-istess kwart fl-2019, l-aħħar sena rekord qabel il-pandemija.
Dan fl-istess waqt li l-iljieli mqatta’ f’pajjiżna żdiedu b’aktar minn ħames mija u għaxart elef lejl meta mqabbel mat-tielet kwart tal-2019.
L-infiq f’pajjiżna wkoll mistenni li għal dan il-perjodu jirreġistra tkabbir ta’ tmintax fil-mija meta mqabbel mal-2019, għal biljun u sitta u għoxrin miljun ewro li ntefqu fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
F’kumment li ta’ lil dan l-istazzjon, il-President tal-MHRA, Tony Zahra, nnota l-ottimiżmu li għandu s-settur għall-aħħar kwart ta’ din is-sena.
“Aħna konna qed nistennew fil-fatt, li l-irkupru jsir sa 2025, qegħdin fit-23 u l-irkupru diġà qiegħed hemmhekk tajbin ħafna. Qed nistennew ukoll li r-raba’ kwart ikun tajjeb ukoll u allura jista’ jkun ikollna sitwazzjoni illi nkunu aħjar mill-aħjar sena li kellna li kienet it-2019.”
Tony Zahra – President tal-MHRA
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef ppreżenta aġġornament tar-riżultati għas-settur turstiku għal perjodu ta’ bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena.
Din il-preżentazzjoni uriet ukoll prestazzjoni b’saħħita għas-settur turistiku f’pajjiżna filwaqt li nnota kif l-Awtorità se tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha li tkompli tirriklama lil pajjiżna bħala destinazzjoni ta’ kwalità għolja permezz ta’ reklamar ndirizzat apposta għas-suq turistiku ta’ pajjiżna.