Crew ta’ ONE News tkellem mal-Ispettur Justin Camilleri fejn stqarr li kwart biss tat-telefonati li jkun jistħoqqilhom urġenza għax l-oħrajn ikunu frivoli.
Camilleri qal: “Bħal pereżempju karozza pparkjata quddiem il-garaxx tiegħi jew hawn tappiera li hija maqlugħa jew dan il-weekend pereżempju kellna telefonati bħal l-ħin, is-siegħa fi xħin ħa ddur jekk hux fis-sagħtejn jew fit-tlieta u dak li jkun jagħżel li jċempel fuq 112 jew għax huwa numru faċli pero rridu nġibu lin-nies konxji illi fl-istess ħin illi qed nagħmlu dawn it-telefonati li ma jistħoqilhomx li jidħlu fil-linja tal-112, jista’ jkun hemm xi ħadd li veru ġralu inċident, xi ħadd mill-membru tal-familja jew lilu personali li għandu bżonn l-assistenza malajr u qed iċempel 112 u hemm xi ħadd ieħor li qed jagħmel dawn it-telefonati frivoli.”
L-ispettur temm jispjega li sajjetta waqt maltempata li laqtet lill-gżejjer Maltin fl-aħħar sigħat laqtet is-sistema teknoloġika fil-kamra tal-kontroll tal-emerġenza iżda minnufih kien hemm pjan ta’ kontinġenza li daħal fis-seħħ biex imbagħad is-sistema qalbet lura għan-normal fi ftit ħin.
“Wara li waqgħet is-sistema tal-112 il-calls flok bdew jidħlu fil-control room tal-112 bdejna nirċevuhom hawn hekk, il-control room tal-pulizija u ovvjament aħna infurmajna l-entitajiet l-oħra tal-emerġenza b’dak li kien ġara u bil-pjaċir kollu ngħid li ħdimna flimkien, permezz li ġew membri tal-entitajiet l-oħra fil-control room tagħna u meta l-calls bdew jidħlu hawn hekk f’każijiet ta’ emerġenza, il-membri tal-entitajiet l-oħra bdew jinfurmaw l-entitajiet l-oħra by means of communication tagħhom stess”, temm jgħid l-Ispettur Camilleri.