F’intervista ppubblikata fil-gazzetta It-Torċa, fl-aħħar ħarġa tagħha, il-kandidat għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista Dr Alex Sciberras saħaq fuq l-importanza li l-Partit jibqa’ relevanti maż-żminijiet tal-lum, filwaqt li kulħadd għandu jkollu leħen isemma’ l-opinjonijiet tiegħu.
Sciberras sostna li l-Partit Laburista għandu jżomm ir-relevanza tiegħu maż-żminijiet u dan iseħħ permezz ta’ diskussjoni kontinwa biex ikompli jkun il-Partit tal-ideat ġodda u innovattivi u l-Partit ideali tal-Maltin u Għawdxin.
Hu kompla jgħid li din id-diskussjoni, li trid issir, għandha tkun il-bażi biex nifhmu d-direzzjoni ta’ fejn il-Partit għandu jimxi għaż-żmien li ġej. Imbagħad, wara li jsiru dawn id-diskussjonijiet, il-Partit għandu jibni l-pjan u l-viżjonijiet għal pajjiżna.
Sadanittant, fin-numru ta’ laqgħat li Sciberras qed ikollu mad-delegati tal-Partit, il-messaġġ li qed joħroġ hu l-bżonn għal dibattitu intern biex il-Partit jistabbilixxi ruħu bħala wieħed tan-nies li lest li jisma’ lill-poplu.
B’rabta ma’ dan, Sciberras tenna li kulħadd għandu jinstema’ u kulħadd għandu jkollu leħen, filwaqt li kompla jgħid li l-messaġġ tiegħu hu li l-Partit irid ikun miftuħ għad-djalogu u li lest jilqa’ fi ħdanu opinjoniijiet aktar diverġenti, mingħajr ma jinsa l-prinċipji tiegħu ta’ valuri soċjal-demokratiċi u progressivi.
Qal, “Hemm bżonn li jerġa’ jkollna, iva, diskussjoni estensiva fi ħdanna biex nifhmu fejn irridu mmorru għaż-żmien li ġej, u nibnu pjan u viżjoni flimkien. Kwalunkwe entità politika li ma tqanqalx diskussjoni ta’ ideat, ta’ ħsibijiet interni fi ħdanha, tispiċċa tmut mewta naturali.”
Hu kkonkluda li jekk jingħata l-fiduċja mid-delegati, se jara li l-Partit Laburista jibqa’ wieħed ħaj ta’ djalogu u inklużjoni bi prinċipji li jiġu aġġornati għall-esiġenzi u ż-żminijiet tal-lum, filwaqt li jagħti spazju lil kulħadd biex isemma’ leħnu.