“In-nies jafu li l-gvern Laburista qatt ma ħa xejn lill-familji, iżda ta u se jkompli jinvesti fin-nies, baġit wara l-ieħor.”
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, fil-Parlament, waqt id-diskussjoni dwar ir-Regolamenti dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul fakkar li ftit jiem wara li bdiet din il-leġiżlatura daħlu fis-seħħ aktar drittijiet biex jinħoloq aktar bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħajja privata.
Dawn il-miżuri jinkludu għaxart ijiem liv tal-paternità u żieda fil-liv tal-ġenituri, hekk kif idaħħlu erba’ xhur liv bla kumpens li se jinqasam fuq il-perjodu sakemm it-tfal jagħlqu tmien snin.
Apparti minn hekk, iddaħħal ukoll il-Carers’ Leave, li se jkun liv li jintuża biex ħaddiem jieħu ħsieb qraba jew persuni li jgħixu fl-istess dar miegħu f’każ ta’ raġunijiet mediċi – dan se jkun ta’ ħamest ijiem fis-sena.
“U ninsab persważ li, permezz ta’ dawn il-liġijiet li daħħalna fis-seħħ, tejjibna l-kwalità tal-ħajja ta’ aktar u aktar ġenituri biżlin u nies oħra li jieħdu ħsieb familjari u dawk li jiġu minnhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li din il-miżura tikkumplimenta miżura oħra li tgħin biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji, fosthom dik tar-radd lura ta’ liv għal kull festa li taħbat fi tmiem il-ġimgħa.
F’dan id-dibattitu tkellmu wkoll, fost l-oħrajn, id-deputati Laburisti Amanda Spiteri Grech u Rosianne Cutajar.