Sabiex il-familji Maltin u Għawdxin ikomplu jgawdu minn kwalita’ tal-ħajja aħjar, il-Gvern se jibda jwettaq il-wegħda tiegħu li jagħti lura l-btajjel pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa u li dawn kienu ttieħdu minn Gvern Nazzjonalista.
B’hekk mis-sena d-dieħla l-ħaddiema Maltin u Għawdxin se jibdew igawdu aktar ħin mal-familja tagħhom biż-żieda ta’ ġurnata leave oħra.
Għas-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-in-work benefit permezz ta’ żieda ta’ għotja ta’ flus għal kull wild.
Dawk li jibbenefikaw mis-sistema tat-tapering tal-benefiċċji soċjali, il-perjodu ta’ stennija li bħalissa qiegħed sentejn, se jinżel għal sena.
Il-baġit għall-elfejn u tmintax se jolqot b’mod pożittiv ukoll lil dawk li jieħdu ħsieb lil membru ieħor tal-familja tagħhom.
Dawn se jirċievu żieda addizzjonali ta’ tminn ewro u ħmistax-il ċenteżmu fil-ġimgħa.
Apparti ż-żieda tal-carers, il-Gvern se jagħti żieda qawwija ta’ mitejn ewro fix-xahar fil-pagi tal-ħaddiema li jinsabu fuq l-iskema ta’ ħidma komunitarja.
Il-baġit għas-sena d-dieħla ħaseb ukoll li jtejjeb l-għixien ta’ kull individwu billi se tingħata għajnuna sa massimu ta’ għaxar t’elef ewro biex jiġu kopruti spejjeż għall-adozzjoni ta’ tfal minn barra l-pajjiż.
Din il-miżura se tapplika wkoll għal dawk li diġa bdew proċess għall-adozzjoni u għadu ma ntemmx.
Mal-għajnuna għal dawk li jadottaw, il-Gvern ħa ħsieb ukoll il-fostering biex aktar tfal jgħixu f’ambjent ta’ familja.
Hawnhekk għall-ewwel darba fi tminn snin il-Gvern se jagħti żieda fl-allowance, minn sebgħin ewro għal mitt ewro fil-ġimgħa.