Mistoqsi fuq ONE Radio dwar it-tneħħija taċ-ċumnija ta’ Dellimara, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din kienet simbolu ta’ tniġġis li għeb għal kollox, tat nifs ġdid lix-Xlukkajri u se tkun qed ittejjeb l-ambjent Malti.
Il-Prim Ministu għamel referenza għal email mingħand missier li joqgħod Marsaxlokk, li minkejja li vvota lill-Partit Laburista fl-2013 u fl-2017, qallu li fil-fond ta’ qalbu nħasad meta ma baqax jara dik ix-xena li kien imdorri biha minn mindu kien tifel żgħir. “Għal dan il-missier, dan hu kambjament kbir għalih, għal uliedu u għall-familtu fil-kwalita’ tal-arja u diġa’ bdiet tinħass,” qal Muscat.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ambjent, il-Gvern qed jolqot l-iktar punti kruċjali u jħalli mpatt pożittiv billi jgħaqqad l-arja mas-saħħa.
Tkellem ukoll dwar iċ-ċentru ta’ saħħa li nfetaħ din il-ġimgħa f’Ħal Kirkop u li kien kien l-ewwel ċentru li kien qed jinfetaħ f’pajjiżna f’20 sena.
Il-Prim Ministru spjega kif “qegħdin intejbu Mater Dei, bnejna sptar ġdid tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo, sptar ġdid li joffri kura għas-saħħa mentali u se jkun parti mill-isptar Ġenerali biex ma jkunx hemm stigmatizzazzjoni, sptar tal-mother and child li jiffoka fuq l-ommijiet, it-twelid u tfal ċkejkna, ċentru tas-saħħa ġdid ġewwa Għawdex li se jagħmel differenza kbira għall-Għawdxin… għalhekk għandna bżonn ċentri tas-saħħa ġodda biex itaffu l-pressjonijiet minn fuq l-isptarijiet.”
Persuna, issa tista’ tinqeda miċ-Ċentru tas-Saħħa minflok toqgħod tmur l-emerġenza tal-Isptar. Riżultat ta’ dan, se titjieb is-sistema, in-nies ħa jinqdew iktar malajr u se tonqos il-pressjoni mill-isptarijiet u ċentri tas-saħħa oħra. Spjega wkoll li hemm iktar pjanijiet.
“Se nkunu qed noħorġu sejħa għall-ċentru tas-saħħa ġdid fin-north tal-pajjiż. Din hija parti minn strateġija li diġa’ wasslet għall-riżultati konkreti ħafna,” kompla Muscat.
B’kollaborazzjoni b’saħħitha mal-privat, kif inhi issa, dan il-gvern se jkompli jtejjeb il-kwalita’ tas-saħħa għall-poplu Malti u Għawdxi.