Illum ser tittella’ l-attività ’60mins Rowing with Love’ għal ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza.
Din l-attività, organizzata mis-Siġġiewi Rowing Club b’risq id-Dar, se tinkludi sfida minn żewġ para-qaddiefa, Kurt Farrugia u Nick Mercieca, biex iwaqqfu rekord dinji ġdid ta’ siegħa qdif fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
Kurt u Nick, atleti żgħażagħ b’diżabilità fiżika, se jkunu qegħdin jaqdfu l-isfida tagħhom bejn fl-4.30pm u l-5.30pm. Nick u Kurt se jkunu akkumpanjati minn qaddiefa sħabhom ta’ Siġġiewi Rowing Club. L-attività se ssir fil-gym tad-Dar tal-Providenza is-Siġġiewi.
Id-Dar tal-Providenza twaqqfet minn Mons. Michael Azzopardi fl-1965 bil-għan li joffri dar b’ambjent sabiħ u familjari għal persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom. Sa mill-bidu tagħha, Id-Dar tal-Providenza pprovdiet servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità. Is-servizzi pprovduti llum jinkludu residenza permanenti jew temporanja u diversi servizzi oħra mmirati biex itejbu l-benessri ta’ persuni b’diżabilità.
Fl-ewwel jum tas-sena, se ssir ‘Festa ta’ Ġenerożità’, biex jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza.

