Kurt Farrugia ġie maħtur bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta u se jkun qed jibda l-inkarigu tiegħu b’seħħ mit-Tnejn, 12 ta’ Awwissu.
Huwa se jkun qed jinħatar f’dan l-irwol wara li l-Kurunell Dr Mark Mallia nħatar Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-Ministru Chris Bonett irringrazzja lil Mark Mallia għax-xogħol li wettaq fiż-żmien tiegħu bħala Kap tal-Awtorità.
Il-Ministru Bonett awgura lil Kurt Farrugia u sostna li l-Ministeru qed iħares ’il quddiem lejn it-twettieq ta’ riformi importanti u strateġiċi b’soluzzjonijiet innovattivi fit-tul li hemm bżonn fil-qasam tat-trasport fil-pajjiż.
F’Awwissu tal-2019 is-Sur Kurt Farrugia kien appuntat Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, l-aġenzija ta’ żvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Matul dawn is-snin Malta Enterprise kienet inkarigata mit-tmexxija tar-rispons ekonomiku għall-pandemija u mmaniġġjat iktar minn €800 miljun f’wage supplement u skemi oħra.
F’dawn is-snin ukoll ġew attirati lejn Malta investimenti sostanzjali bħal Ryanair fil-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani, Torrent Pharma fil-qasam tal-farmaċewtika u GIMAS fil-qasam tat-teknoloġija sostenibbli. Kif ukoll it-tkabbir ta’ ST Malta permezz ta’ applikazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea taħt il-proġett IPCEI 2, kif ukoll proġetti ta’ espansjoni ta’ De La Rue, Trelleborg u Baxter – li huma fost l-ikbar investiment dirett barrani fil-pajjiż fl-aħħar snin. Fl-aħħar snin ingħatat spinta wkoll lill-kumpaniji start-ups innovattivi f’oqsma teknoloġiċi.
Preċedentement, is-Sur Farrugia serva bħala Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern u wara wkoll bħala membru tal-Board tal-Gvernaturi ta’ MCAST għal tliet snin.
Is-Sur Farrugia huwa gradwat fil-Komunikazzjoni kif ukoll għandu Master’s fl-Intrapriża mill-Università ta’ Malta.