Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru 2018, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol b’kollaborazzjoni mal-Bank HSBC nediet il-ktieb kbir ‘Kurjużata H20’, kitba ta’ Kim Dimech u Dr Tania Muscat, pubblikazzjoni ta’ Merlin Publishers. Dan il-ktieb li kien sponsorjat mill-Bank HSBC jisħaq fuq l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma.
It-tnedija saret fl-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca. L-istudenti tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames sena kellhom l-opportunità li jisimgħu l-istorja tinqara mill-awtriċi Kim Dimech u jsegwu taħdita qasira dwar il-konservazzjoni tal-ilma mill-kelliema tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Mandy Zahra u Natalino Spiteri.
Dan il-ktieb, li oriġinarjament kien parti minn teżi ppubblikata fl-Università ta’ Malta se jitqassam fil-klassijiet tat-tielet sena tal-iskejjel primarji u huwa ktieb ieħor li sar permezz tal-iskema ‘Bil-Ħila Tagħkom’. Din l-iskema tħeġġeġ lill-edukaturi joħolqu riżorsi attraenti għat-tagħlim tal-Malti. Diversi edukaturi, fosthom għalliema tal-klassi, għalliema tal-litteriżmu u tal-kindergarten ibbenefikaw minn din l-iskema billi xogħolhom ġie ppubblikat, u wara tqassam b’xejn lill-iskejjel kollha tal-istat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Waqt it-tnedija ta’ ‘Kurjużata H20’, kull student ngħata ktieb bħala tifkira tal-okkażjoni u fl-għeluq ta’ din l-attività, kantaw il-kanzunetta ‘L-Ilma’, lirika ta’ Charles Casha, mużika ta’ Sammy Galea u kant ta’ Jan Zammit.