Kurdt Busuttil, missier ta’ żewġt itfal żgħar ta’ 28 sena, minn Birżebbuġa, tilef ħajtu traġikament ilbieraħ filgħaxija wara aċċident tat-traffiku ħdejn iċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn karozza misjuqa minn raġel ta’ 24 sena residenti l-Iklin, karozza oħra misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u l-mutur misjuq mill-vittma.
Ix-xufier tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda sfortunatament kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa kienet informata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.