Fil-Bażilika tax-Xagħra, Għawdex, bħalissa qed tittella’ wirja ta’ arti sagra b’rabta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa.
Bl-isem ta’ ‘Passione Cristo’, il-wirja tinkludi fiha, fost l-oħrajn, statwi u kurċifissi, inkluż dawk li nħadmu fil-belt ta’ Lecce, fl-Italja, u oġġetti oħrajn sagri, bħal kalċijiet, li fihom mnaqqax il-passjoni ta’ Kristu u pitturi relatati.
Il-wirja, organizzata minn Noel Vella, tinsab fl-awla kapitulari tal-Knisja ddedikata lil Marija Bambina u għandha għaddejja sa Ħadd il-Għid.
ONE News tkellem mal-Amministratur Parrokkjali tax-Xagħra, Dun Alex Refalo, li stqarr kif din il-bażilika għandha konnessjoni ma’ Lecce, hekk kif l-istatwi l-kbar tal-Ġimgħa l-Kbira nħadmu proprju hemmhekk.
“L-istatwi li qed naraw hawnhekk għandhom konnessjoni ma’ dan il-post (Lecce), għalhekk huma statwi ta’ valur, però apparti minn dan kollu din l-esebizzjoni hi mument fejn wieħed jista’ jikkontempla aktar il-misteru tal-mewt u l-passjoni ta’ Kristu.”