“Fl-aħħar sena kellna l-opportunità naħdmu kemm nifilħu biex inwettqu kull miżura tal-manifest Malta Flimkien li l-poplu tana l-fiduċja biex l-elf proposta nikkonvertuhom f’elf kisba għal pajjiżna.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio fejn spjega kif saru l-aqwa deċiżjonijiet ta’ sapport li ngħataw lill-familji u n-negozji fil-kontijiet tad-dawl, deċiżjonijiet biex inżammu stabbli l-prezzijiet tal-fjuwil fejn permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-ekonomija ta’ pajjiżna setgħet baqgħet tikber.
“Dik hija d-direzzjoni li tajna lill-poplu, direzzjoni li llum qed naqtgħu ħafna frott pożittiv minnha.”
Robert Abela semma numru ta’ inizjattivi li wettaq dan il-Gvern fl-aħħar snin li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies.
“Għamilna ħafna fl-aħħar snin. Ftit tal-ġimgħat ilu nidejna miżura importanti ħafna jiġifieri li dik li tkun qed tassisti lill-first time buyers li xtraw il-proprjeta’ tagħhom minn Jannar tas-sena li għaddiet ’il quddiem u se jingħataw għajnuna ta’ elf ewro fis-sena għal għaxar snin sħaħ…Din il-ġimgħa stess, dawk il-persuni li jixtru proprjeta’ u jkunu intitolati għal-loan, il-bank ikun sodisfatt li għandhom biżżejjed biex iħallsu l-pagamenti tal-loan imma li ma jkunux għal raġuni jew oħra ġemmgħu biżżejjed biex ikollhom miġbur l-ekvivalenti tal-10% li jitħallas bħala deposit mal-konvenju. Nidejna skema li permezz tagħha l-Gvern javvanzalek dawk l-10%. Self li l-imgħax kollu fuqu jerfgħu l-Gvern. Skema li kienet tapplika għall-proprjetajiet li jiswew €175,000. Wessajna l-eġibilita’ għal din l-iskema għal proprjetajiet li jiswew €225,000. Ngħinu kemm nifilħu liż-żgħażagħ iwettqu l-ħolm tagħhom.”
Il-Prim Ministru semma wkoll kif dawn il-miżuri huma katina ma’ għadd ta’ miżuri oħra li diġa tħabbru fl-aħħar xhur.
Settur ieħor rivoluzzjunarju li semma l-Prim Ministru huwa s-settur tal-qbiela.
“Rajna l-importanza tal-biedja fl-ekonomija tal-pajjiż. Rajna l-importanza tal-bieda fejn jidħol l-importanza tas-sigurta’ tal-ikel… Tajna wkoll is-serħan il-moħħ lill-bidwi biex jibqa’ jaħdem ir-raba’ tiegħu, ikollu s-sors tal-għajxien tiegħu. Primarjament, is-sostenibilita’ biex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem.”
Il-Prim Ministru emfasizza l-messaġġ dwar is-sodisfazzjon li jġibu magħhom dawn il-miżuri.
“Is-sodisfazzjon ta’ dawn il-miżuri li jitrasformaw ruħhom f’diversi benefiċċji għall-poplu Malti u Għawdxi.”
Nibqgħu nibagħtu messaġġ ta’ għaqda nazzjonali u kalma speċjalment quddiem il-provokazzjoni.
“Il-Ħamis filgħaxija kellna dibattitu fejn rajna Oppożizzjoni li rrappreżentat kif dibattitu m’għandux ikun. Oppożizzjoni li minn għaxar snin ilu ’l hawn baqgħet ma nbidlet xejn.”
Il-Prim Ministru emfasizza l-arroganza tipika tal-Oppożizzjoni li baqgħet ma nbidlet qatt minkejja l-messaġġ wieħed wara l-ieħor li bagħtilha l-poplu.
Il-Prim Ministru qal kif fid-diskors tiegħu fil-Parlament spjega il-fatti kif inhuma dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u mhux l-ispin li qed tipprova tgħaddi l-Oppożizzjoni.
“Aħna tkellimna dwar is-soluzzjonijiet u t-triq ’il quddiem. Mill-Oppożizzjoni rajna tgħajjir, tisbit, konfront u xejn iżjed. Kont nippretendi li f’mozzjoni mqajjma mill-istess Oppożizzjoni li tersaq imqar bi proposta waħda pożittiva dwar it-triq ’il quddiem.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll kif dan il-Gvern se jibqa’ jibgħat messaġġ ta’ serenità u għaqda nazzjonali u jibqa’ jappella għall-kalma quddiem il-provokazzjoni tal-Oppożizzjoni.
Noffru l-aqwa servizz tas-saħħa li jixraq lill-pazjenti tagħna.
“Se nibnu bi prijorità sptar ġdid ġewwa Għawdex immexxi mill-Gvern ta’ Malta u s-servizzi ta’ natura medika ta’ kura akuta għandu jmexxihom ukoll il-Gvern.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll li jekk saru xi pagamenti tul il-konċessjoni kemm lill-Vitals jew lil Steward li ma ngħatax lura korrispettiv għalihom, se tkun qed issir azzjoni legali mill-Gvern biex nirkupraw dak l-ammont jekk Steward tirrifjuta li tħallsu.
“Ktibt ukoll lill-Awditur Ġenerali li fiha tlabtu jagħmel l-indaġni tiegħu. Diġa’ għamel żewġ rapporti u jinsab fit-triq lejn il-publikazzjoni tat-tielet rapport biex jagħmel din l-investigazzjoni u jara dak li qed tallega l-Oppożizzjoni li l-Gvern ta’ Malta ħallas 400 miljun li tiegħu ma ngħata lura xejn, issa l-Awditur Ġenerali se jara dawk is-servizzi kollha li ngħataw, jara l-investiment li twettaq minn Steward u jekk jirriżultaw xi diskrepanzi, allura jsir kif għamilna fil-kwistjoni tat-taxxa diġa’ fejn kellek kwistjoni ta’ aretrati ta’ taxxi dovuti minn Steward, il-Kummissarju tat-taxxi ħa l-azzjoni meħtieġa fl-interess nazzjonali.”
Robert Abela semma wkoll kif għadu kemm għalaq it-terminu tal-appell wara rikors li kien għamel il-Gvern biex minn tletin jum, jonqos għal għoxrin jum biex tiġi stabbilita ċertezza dwar din il-konċessjoni u kif se tkun qed issir talba biex il-qorti tisma’ dawn l-appelli b’urġenza.
“Is-serħan il-moħħ li tajt u li qed nerġa nagħti hi li l-Awrtoritajiet tas-Saħħa jinsabu f’qagħda li mill-ewwel jieħdu lura s-servizz f’idejhom u meta jseħħ, se jkollna a seamless transition u se jingħata servizz tas-saħħa ta’ eċċellenza li hu magħruf għalih is-settur mediku ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru assigura wkoll li l-Gvern se jkun f’pożizzjoni soda fil-konfront ta’ Steward, l-istess pożizzjoni li ntweriet mill-Gvern fl-aħħar tliet snin.
Robert Abela qal ukoll kif dan il-Gvern m’għamilx bħall-Gvern Nazzjonalista li fil-proġett tal-bini tal-isptar Mater Dei ta ħelsien mill-obbligi lill-kumpanija li kienet qed tibni l-isptar fejn kellek kumpanija Svediża bl-isem ta’ Skanska li rriżulta li bniet konkrit li hua difettuż u bniet binja li ma kinitx tiflaħ piż strutturali li ma kinitx tiflaħ għalih u meta l-Gvern induna b’dawk in-nuqqasijiet kollha, flok ipproteġa l-interess nazzjonali, mar għall-iffirmar li bihom ta l-ħelsien lil Skanska milli qatt tista’ tiġi mfittxija u nvestigata fejn il-konsulent legali kien Adrian Delia.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ Partit li mhux kredibbli u l-Gvern wera kemm hu preparat għat-triq ’il quddiem u preparat b’soluzzjonijiet biex din il-kwistjoni tiġi magħluqa u jibqa’ jkun hemm servizz ta’ saħħa eċċellenti kif jixraq lil Maltin u l-Għawdxin.