“Għawdex u Malta Flimkien. Dik l-għajta li ġejna fdati biha sena ilu u dan huwa t-twemmin li jrid ikollna ta’ kuljum.”
Kliem il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt attività politika fix-Xagħra Għawdex, fejn f’messaġġ ċar semma kif l-għaqda ta’ bejnietna twassal għaċ-ċertezza u l-istabbiltà.
Qal, “Din l-għajta, Għawdex u Malta flimkien hija twemmin, prinċipju li rridu nħaddnu u nħaddmu ta’ kuljum, kemm meta jkollna s-suċċessi għax is-suċċessi jiġu biss meta naħdmu flimkien imma wkoll meta jkollna l-isfidi.”
Quddiem folla sabiħa, il-Prim Ministru saħaq kif fis-snin li għaddew pajjiżna ħabbat wiċċu ma’ bosta sfidi fosthom il-pandemija u l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, iżda minkejja dan, il-Gvern xorta baqa’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Stqarr, “Fl-ebda waħda minn dawn l-isfidi li semmejt ma wrejna djufija, qatt ma għotorna, iżda qatt ma wrejna arroganza u dejjem konna realistiċi man-nies u dejjem żammejna saqajna mal-art. Ħadna deċiżjonijiet li minkejja l-isfidi bqajna ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, bqajna ninvestu fin-nies u n-nies dejjem sabuna warajhom anke meta l-bżonnijiet kienu kbar.”
Il-Prim Ministru semma wkoll kif quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, ħaddieħor dejjem ipprova juża dawn iż-żminijiet diffiċli biex idaħħal il-firda fil-pajjiż u jagħmel gwadann politiku partiġjan.
Stqarr, “Daqskemm hu ċert li se naħdem biex qatt ma nħallihom jifirdu l-pajjiż, huwa wkoll ċert li Bernard Grech u t-tmexxija tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista ma jistgħux iġibu l-bidla pożittiva f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar ta’ għaqda u ħidma favur l-aqwa interess tal-Maltin u l-Għawdxin.
Temm jgħid, “Dan ħbieb tiegħi huwa biss il-bidu għax għadna biss fl-ewwel sena minn ħamsa, u għal dak li wettaqna din is-sena inwegħdkom li għas-sena d-dieħla nwettqu d-doppju. Għalhekk inħeġġiġkom ejja nibqgħu naħdmu lkoll flimkien ħalli dak li vvutajtu għalih inwettquh flimkien bil-fiduċja li tajtuna imma fuq kollox bil-fiduċja li għandna f’pajjiżna.”