Illum il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes inawguraw l-ewwel sptar tal-annimali f’Malta.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar dan l-isptar bħala sptar li qiegħed joffri aktar drittijiet lill-annimali. Huwa qal li fl-aħħar Malta issa għandha sptar li hu miftuħ 24 siegħa kuljum. Huwa sostna li l-fatt li dan il-proġett sar flimkien mal-privat ifisser aktar sostenibbiltà. Din hija wegħda oħra elettorali li ġiet mwettqa.
Is-Segretarju Parlamentari Galdes spjega kif dan huwa l-unika post ġewwa Malta li għandu standards Ewropej u li għandu l-liċenzji u l-permessi meħtieġa biex jinżammu annimali għall-kura fit-tul. Huwa saħaq kif f’Malta għanda sistema unika fejn huwa l-gvern li jiffinanzja t-trattament tal-annimali abbandunati. Fil-fatt dan l-isptar ser ikun qiegħed joffri l-faċilitatijiet u s-servizzi tiegħu mingħajr ħlas lid-Dipartiment tal-Animal Welfare.
Hu żied jgħid kif dan l-isptar huwa mgħammar b’ħafna faċilitajiet, fosthom swali tal-operazzjonijiet dedikati għal soft tissue surgeries u għal operazzjonijiet ortopediċi. F’dan l-isptar issa jistgħu jsiru wkoll l-operazzjonijiet għall-katarretti fuq l-annimali.
Dan l-isptar qiegħed jagħti lok għal potenzjal fejn annimali jistgħu jinġiebu Malta minn postijiet oħra madwar il-Mediterran għall-kura. Fil-fatt hu maħsub li jsir marketing biex tintlaħaq in-naħa t’isfel tal-Italja. Roderick Galdes ikkonkluda d-diskors tiegħu billi qal li dan l-isptar huwa xempju tas-servizzi li qegħdin nibnu għall-annimali.
Keith Attard, wieħed mis-sidien ta’ dan l-isptar, fiehem kif id-Dipartiment tal-Animal Welfare qed jiġi offrut is-servizz mingħajr ħlas, filwaqt li l-entitajiet mhux governattivi se jibbenefikaw minn skont ta 25%. Huwa kompla jżid li f’dan l-isptar qiegħed isir ukoll tagħlim lill-istudenti tal-MCAST sabiex dawn ikunu qegħdin jingħataw it-taħriġ neċessarju fuq l-aħjar teknoloġija.